“Tibqax taċċetta turisti mill-Italja” – L-MCESD lill-Gvern

Aġġornat 01:47 PM
People wear protective face masks as they take their lunch breaks at the financial Central district, following the outbreak of the new coronavirus, in Hong Kong, China March 2, 2020. REUTERS/Tyrone Siu

Read in English.

Il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) qabel li jirrakkomanda lill-Gvern sabiex titjiriet ġejjin mill-Italja jġibu biss lil ċittadini Maltin, u li l-kwarantina minn pajjiżi b’riskju għoli tal-probabbiltà tal-coronavirus issir obbligatorja.

Din kienet waħda mir-rakkomandazzjonijiet li qablu magħha l-imsieħba soċjali f’laqgħa li ssejħet għad-diskussjoni tal-impatt ekonomiku tal-coronavirus. Il-membri qablu li biex il-kwarantina ssir obbligatorja, il-Gvern għandu jieħu ħsieb l-ispejjeż kollha u jħallas lill-imgħallmin tal-ġranet li l-impjegati jqattgħu kwarantina.

L-MCESD irrakkomandat lill-Gvern li jwaqqaf fond speċjali biex jgħin fl-impatt ekonomiku li se jkollu l-coronavirus u għall-ġranet mitlufa mix-xogħol.

Intant, bl-Italja bħala wieħed mill-pajjiżi bl-iżjed riskju fl-Ewropa, il-linja tal-ajru tal-Iskandinavja SAS issospendiet titjiriet lejn l-Italja ta’ Fuq. Mill-4 ta’ Marzu sas-16 ta’ Marzu, it-titjiriet kollha tas-SAS lejn Milan, Bologna, Turin u Venezja ġew sospiżi.

Dritt għar-Risposta mid-Dipartiment tal-Informazzjoni tal-Gvern

Nirreferi għar-rapport Tibqax taċċetta turisti mill-Italja” – L-MCESD lill-Gvern miktub minn Sephora Francalanza li deher fuq Newsbook nhar il-5 ta’ Marzu 2020.

Huwa għal kollox mhux minnu dak li ntqal mill-ġurnalista ta’ Newsbook. L-MCESD ma wassal ebda qbil jew pożizzjoni komuni lill-Gvern. Kien hemm diskussjoni wiesgħa ta’ sagħtejn li matulha l-imsieħba soċjali kollha esprimew il-fehmiet differenti tagħhom u ngħataw spjegazzjonijiet minn diversi uffiċjali pubbliċi.

Il-laqgħa kienet waħda ta’ informazzjoni li matulha wkoll ingħata tagħrif dettaljat tat-tħejjijiet li qed isiru għal kull eventwalità tal-coronavirus. U fil-fatt, bosta msieħba soċjali esprimew l-apprezzament tagħhom għax-xogħol ta’ koordinament li qed isir fuq bażi nazzjonali.

Newsbook għoġbu li jħalli barra għal kollox dan it-tagħrif, anke jekk ġie kkomunikat pubblikament (l-istqarrijiet bil-Malti u l-Ingliż mehmuża għar-referenza ta’ Newsbook).

Tista’ taqra l-istqarrija sħiħa hawn: PR200394