Tispikka l-umilta’ tal-Papa Franġisku

Waqt konferenza lill-midja, il-kelliem għall-Vatikan Patri Federico Lombardi qal li malli l-Papa u l-Kardinali telqu mill-Kappella Sistina għar-residenza Santa Marta, tlestiet karozza apposta għall-Papa. Minflok, il-Papa Franġisku għażel li jakkumpanja lill-Karidnali fil-coach li kienu qed jużaw huma.

Wara l-ikla ta’ ċelebrazzjoni, il-Papa rringrazzja lill-kardinali u qalilhom il-kliem: “Alla jaħfrilkom ta’ li għamiltu”.

Iktar kmieni dalgħodu fit-8am, il-Papa Franġisku mar jitlob fil-knisja ta’ Santa Maria Maggiore. Huwa kien akkumpanjat mill-Vigarju ta’ din l-istess Bazilika.
Dalgħodu ukoll il-Papa reġa’ mar fejn kien jgħix qabel ma’ daħal għall-Konklavi, ħa l-bagalja u ħallas il-kont tal-kamra tiegħu.

Illum fil-5pm se ssir quddiesa biex tikkonkludi l-konklavi. Il-quddiesa se ssir bil-Latin. Wara, jitneħħew is-siġilli tal-appartament tal-Papa. Għalissa, il-Papa qed jgħix f’appartament f’Santa Marta.

Il-Ħadd se jsir l-ewwel Angelus minn dan il-Papa l-ġdid. Is-Superjur Ġenerali tal-Ġiżwiti dalgħodu ħareġ stqarrija fejn rringrazzja lil Alla li pprovda lil knisja b’dan il-Papa.