Tibqa’ arrestata għax serqet minn pompi tal-petrol

Mara ta’ 24 sena mill-Mosta, li llum tressqet il-Qorti akkużata li serqet fjuwil minn pompi tal-petrol baqgħet tinżamm taħt arrest.
Magħha kellu jitressaq ukoll l-għarus tagħha, li qed jiġi akkużat li kien kompliċi mat-tfajla fis-serq mil-pompi f’Birkirkara u l-Imsida wara li nqabdu jagħmlu dan fuq filmati tas-CCTV. Minflok hu se jitressaq il-Qorti l-ġimgħa d-dieħla wara li ttieħed l-isptar minħabba li kien ma jiflaħx.
Il-koppja kienu ngħataw il-liberta kkundizzjonata, iżda meta marru jiffirmaw l-għassa tal-Pulizija ta’ Birkirkara, ġew infurmati li kienu se jarrestawhom mill-ġdid għax allegatament serqu l-fjuwil. Huma ħarbu minn fuq il-post, iżda ġew arrestati mill-Pulizija lbieraħ.
Il-mara, li dehret quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia Briffa ġiet akkużata li kellha d-droga eroina, li kisret struzzjonijiet mill-Pulizija u l-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.
Minkejja li wieġbet mhux ħatja tal-akkużi, baqgħet tinżamm taħt arrest preventiv.