Tibki lit-tifel li kienet timxi id f’id miegħu fl-isptar

Tifla ta’ tmien snin, li qed tissielet kontra l-kanċer, infexxet f’bikja twila meta jumejn ilu wasslitilha l-aħbar tal-mewt ta’ Bradley Lowery, it-tifel ta' sitt snin li l-istorja tiegħu daret id-dinja. 
Brooklyn Hutchinson u Bradley, kienu jieħdu l-kimoterapija flimkien, u mhux l-ewwel darba li ntlemħu jimxu id f’id fir-Royal Victoria Hospital fi Newcastle.
Illum, il-familja ta’ Bradley, ħarġet id-dettalji tal-funera ta' Bradley, li kien iffissat fuq it-tim ta’ Sunderland.
Fost l-oħrajn qed tappella lil dawk li se jagħtuh l-aħħar tislima, biex jilbsu l-flokkijiet tal-futbol li jogħġbuhom l-iktar, bħalma se tagħmel il-familja kollha tiegħu.  Il-funeral huwa miftuħ għal kulħadd.
Bradley ilu jingħata l-kura għan-neuroblastoma minn meta kellu biss sena u nofs.
Fl-aħħar xhur kiseb l-appoġġ minn diversi personalitajiet, fosthom sportivi prominenti, li taw sehemhom ukoll biex jippromwovu l-Bradley Lowery Foundation, li issa għandha l-għan li tgħin finanzjarjament lill-familji tat-tfal li jkollhom l-istess marda.
Il-funeral ​se jsir nhar il-Ġimgħa li ġej fil-Knisja Kattolika ta’ St Joseph f’Co Durham fir-Renju Unit.