Tibdiliet fit-trasport pubbliku wara laqgħa mal-operatur

Il-Ministru għat-Trasport Joe Mizzi u ċ-Ċermen ta’ Transport Malta James Piscopo ltaqgħu mat-tmexxija tal-Malta Public Transport fejn saret evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tar-rotot il-ġodda.
Dan wara li fil-ġimgħat li għaddew daħlu fis-seħħ 24 rotta ġdida, nbidlu 43 rotta oħra u qed isiru 400 vjaġġ kuljum aktar.
Matul il-laqgħa ġie nnutat li kien hemm ammont ta’ rotot li l-vjaġġ twal biex ikun inkluż l-isptar Mater Dei u biex titjieb l-aċċessibilità lill-istudenti tal-Junior College.
Stqarrija tal-Ministeru għat-Trasport tgħid li ġie deċiż li dan it-tibdil jibqa’ fis-seħħ fl-interess soċjali tas-servizz pubbliku.
Intlaħaq qbil li waħda mir-rotot tal-X1 tgħaddi mill-bypass tal-Mellieħa flok miċ-ċentru biex jonqos il-ħin tal-vjaġġ lejn l-Università.
Qed tiġi evalwata wkoll il-possibilità li l-X1 tibda tmur l-isptar Mater Dei.
L-istqarrija tgħid li matul il-laqgħa saret referenza li naqset il-konġestjoni tal-karozzi tal-linja f’Mater Dei u li żdiedet l-aċċessibilità lejn San Ġwann.
Se ssir ukoll laqgħa mal-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann biex isir titjib.
L-istqarrija tal-Ministeru għat-Trasport tikkonkludi li Transport Malta talbet lill-Malta Public Transport biex ittejjeb l-informazzjoni lill-passiġġieri filwaqt li ġie deċiż li fil-ġranet li ġej tiżdied il-preżenza tal-uffiċjali tal-customer care f’Mater Dei.