Tibdiliet f’tal-linja mill-Ħadd li ġej

Minn nhar il-Ħadd li ġej, se tiżdied il-frekwenza tal-karozzi tal-linja fuq rotot popolari.
Fi stqarrija, il-Malta Public Transport ħabbret li se tniedi s-servizz tas-sajf, b’servizz ta’ trasport pubbliku estiż għall-bajjiet popolari.
Passiġġieri li għandhom Tallinja Card se jkomplu jgawdu nollijiet orħos matul is-sena kollha, waqt li l-biljetti li jinxtraw bi flus kontanti minn fuq il-karozza tal-linja jiswew €2 matul is-sajf.
Se jkun hemm karozzi tal-linja aktar frekwenti, b’madwar 300 vjaġġ aktar kuljum, fuq dawn ir-rotot:
Rotta 82 – Valletta – Birżebbuġia
Rotta 212 – Sliema  –  Buġibba
Rotta 221 – Ċirkewwa  –  Buġibba
Rotta 222 – Tas-Sliema  –  Ċirkewwa
Rotta 223 – Buġibba  –  Għajn Tuffieħa
Rotta 225 – Tas-Sliema – Għajn Tuffieħa
Rotta 310 – Ir-Rabat (Victoria) – Marsalforn
Rotta 311 – Ir-Rabat (Victoria) – Dwejra
Rotta 322 – Marsalforn – Mġarr Ferry
Is-servizz tat-trasport pubbliku se jkun estiż għal dawn il-bajjiet: L-Armier (Rotta 49), Wied iż-Żurrieq (Rotta 74), il-Ġnejna (Rotta 101) u Għar Lapsi (Rotta 109). Dawn ir-rotot kollha joperaw mit-Tnejn sal-Ħadd matul is-sajf.
L-iskedi l-ġodda se jkunu disponibbli fuq is-sit publictransport.com.mt. Minħabba dawn il-bidliet, il-‘Journey Planner’ fuq dan l–istess sit u fuq it-tallinja app se jkunu temporanjament indisponibbli sakemm iseħħu l-bidliet meħtieġa. Fil-jiem li ġejjin, Malta Public Transport se tkun qed taġġorna wkoll l-iskedi ta’ fuq il-bus stops madwar Malta u Għawdex.