Tibdil kif l-Ingliżi jagħżlu l-kanzunetta għall-Eurovision

Meta Micheal Rice, il-kantant għar-Renju Unit fil-Eurovision ta’ din is-sena spiċċa fl-aħħar post bi 11-il punt, il-BBC rrealizza li biex jiksbu riżultat aħjar kellhom ibiddlu l-mod ta’ kif tintgħażel il-kanzunetta għal dan il-konkors.

Din il-ġimgħa tħabbar li l-istazzjon nazzjonali Ingliż wasal għall-konklużjoni li l-aħjar mod kien billi jwaqqaf lill-pubbliku milli jivvota għall-kanzunetta li xtaqu tirrappreżentahom. Minflok il-BBC għall-ewwel darba se jingħaqad ma’ tikketta tad-diski biex ikollhom riżultat aħjar. Għalhekk is-sena d-dieħla mhux se jkun hemm il-programm Eurovision: You Decide li ilu jittella’ sa mill-2016.

Issa l-BMG se tieħu l-proċess kollu f’idejha. Il-BMG hija l-parti kummerċjali tal-BBC li se tavviċina tikketti tad-diski biex “tintagħżel kanzunetta li tappella għal udjenza internazzjonali u li tassigura li jkun hemm artist li jiġbor fih l-ispirtu u valuri tal-konkors tal-Eurovision.”

Il-BMG tieħu ħsieb kittieba tal-kanzunetti u għandha grupp ta’ tikketti tad-diski. Fost il-kantanti mal-BMG hemm Kylie Minogue, Bring Me The Horizon, Peter Doherty, Boy George u Simple Minds.

Direttur tal-BBC Studios qal li dan il-pass se jwassal biex ikun hemm bidla kbira fil-mod tal-għażla tal-kanzunetta Ingliza biex twassal riżultati aħjar għall-pajjiż billi jintgħażlu l-aħjar artist u kanzunetta meta l-Eurovision isir f’Rotterdam f’Mejju 2020.

L-aħħar darba li r-Renju Unit rebaħ il-Eurovision kien fl-1997 b’Love Shine a Light ta’ Katrina and the Waves b’227 punt meta konkors kien sar f’Dublin fl-Irlanda.