Tibdil fl-emblema tal-Kunsill Ewropew

Fiż-żmien li qed isir tibdil fl-istrutturi tal-Unjoni Ewropea, mil-lum il-Kunsill Ewropew biddel l-emblema biex tkun iżjed moderna u friska.
Il-Kunsill Ewropew hija l-istituzzjoni li tħaddan il-Kapijiet ta’ Stat tal-pajjiżi kollha membri tal-Unjoni Ewropea flimkien mal-President tal-Kunsill Ewropew, li fil-preżent huwa Herman Van Rompuy u l-President tal-Kummissjoni Ewropea.
Għal-laqgħat tal-Kunsill Ewropew, Malta hija rappreżentata mill-Prim Ministru Joseph Muscat.
Il-Kunsill Ewropew ġie stabbilit fl-1975 għalkemm l-ewwel laqgħat bejn il-mexxejja Ewropej bdew isiru fl-1961.
Il-Kunsill ġie rikonoxxut bħala istituzzjoni Ewropea fl-2009 bid-dħul fis-seħħ tat-trattat ta’ Liżbona.
Għalkemm il-Kunsill Ewropew m’għandhux poteri leġiżlattivi bħall-Parlament Ewropew, jgħin fit-tfassil tal-istrateġija tal-Unjoni Ewropea fi Presidenza kollettiva mal-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew.
Apparti t-tibdil fl-emblema, il-Kunsill Ewropew se jara wkoll tibdil fil-Presidenza hekk kif il-Parlament Ewropew irid jivvota fuq min se jieħu post Herman Van Rompuy.
Il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew li jmiss, aktar tard dan ix-xahar, mistennija tkun l-ewwel waħda għas-suċċessur ta’ Rompuy.
Matul din il-laqgħa, il-mexxejja Ewropej mistennija jikkonferma lill-eks Prim Ministru tal-Lussemburgu Jean-Claude Juncker bħala s-suċċessur ta’ Josè Manuel Barroso bħala President tal-Kummissjoni Ewropea.