Tibdil fil-Vatikan – Mons. Alfred Xuereb b’kariga oħra

Fil-Vatikan ġie ppreżentat il-pjan ekonomiku l-ġdid tas-Santa Sede. Il-Prefett tas-Segretarjat Ekonomiku tas-Santa Sede, il-Kardinal George Pell, flimkien mal-ekonomist Malti Joseph F.X. Zahra li hu membru tal-Kunsill Ekonomiku tal-Vatikan.
Il-Kardinal Pell ħabbar inzjattivi importanti biex ikun hemm immaniġġjar u amministrazzjoni aħjar tal-finanzi tal-Vatikan u tas-Santa Sede.
Il-Papa Franġisku qabel li jkun hemm bdil fit-Tmexxija tal-Patrimonja tas-Santa Sede, fil-Bank tal-Vatikan, fil-pensjoni tal-ħaddiema tal-Vatikan u fil-mezzi ta’ komunikazzjoni.
Il-Monsinjur Għawdxi Alfred Xuereb, li hu s-segretarju ġenerali tas-Segreterjat għall-Ekonomija, se jkun segretarju mingħajr vot fil-Kunsill tal-Bank tal-Vatikan.
F’Settembru li ġej, is-Segretarjat għall-Ekonomija se jibda jaħdem fuq il-baġit għall-2015. Kull dekasteru fis-Santa Sede se jiġi mitlub jagħmel stima ta’ ħidmietu u matul is-sena se jinżamm responsabbli jekk jaqbeż l-infieq.
Ġie maqbul li l-pjan il-ġdid għandu jitmexxa minn tim ġdid ta’ nies immexxi minn Jean-Baptiste de Franssu, il-president il-ġdid tal-Bank tal-Vatikan.