Tibdil fil-liġijiet biex il-Cruise Liners joperaw il-Casinos abbord

L-operaturi ewlenin tal-industrija tal-Cruise Liners f’Malta qed jitolbu lill-Gvern tibdil u konċessjonijiet ġodda biex ikunu jistgħu jiftħu l-Casinos li l-Cruise Liners għandhom abbord.

Fil-jiem li għaddew, is-Segretarju Parlamentari Edward Zammit Lewis kien ħabbar li l-Gvern qed jaħdem fuq liġi ġdida li se tirregola l-operat tal-Casinos fuq il-Cruise Liners.

Fil-preżent, il-Cruise Liners li jidħlu fil-baħar Malti jew isorġu f’Malta ma jistgħux joperaw il-Casinos li għandhom abbord.

Bit-tibdil il-ġdid, jirriżulta li l-operaturi tal-Cruise Liners mistennija jintalbu €20,000 biex jiftħu l-Casinos u miżata annwali ta’ €8,500.

Newsbook.com.mt huwa infurmat li l-Gvern qed jikkunsidra li din il-proposta mhix obbligatorja u se tkun qed tapplika biss lil min irid jiftaħ il-Casinos abbord, dejjem bil-ħlas tal-liċenzja.

Kelliem mill-Ministeru għat-Turiżmu stqarr ma Newsbook.com.mt li l-Gvern mhu se jnaqqas xejn minn dak li hemm illum.

L-operaturi ressqu din it-talba għat-tibdil, sabiex jiftħu l-Casinos speċjalment għall-passiġġieri, fid-dawl li dan is-settur ferm importanti għat-turiżmu jinsab għaddej minn żminijiet diffiċli.

Mill-aħħar statistika tal-NSO jirriżulta li fl-ewwel sitt xhur tas-sena, l-Cruise Liners li daħlu Malta naqsu bi 33.2% meta mqabbel mas-sena li għaddiet.

L-andament sal-aħħar tas-sena wkoll mistenni li juri tnaqqis.

Il-passiġġiera tal-Cruise Liners iħallu fl-ekonomija Maltija miljuni ta’ ewro kull sena.