Tibdil fil-liġi għal dawk li jaħdmu mid-dar

Il-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon qal li permezz ta’ bdil fil-liġi se tingħata definizzjoni aktar ċara ta’ homeworker – persuni li jaħdmu mid-dar.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Ugwaljanza Helena Dalli, il-Ministru għax-Xogħol Evarist Bartolo, u l-Ministru Falzon tkellmu dwar il-bdil fl-Att dwar is-Sigurtà Soċjali li fil-fehma tagħhom se jagħti aktar protezzjoni għall-persuni li jaħdmu mid-dar.
Falzon spjega li d-definizzjoni l-ġdida se tapplika għal dawk il-persuni li qegħdin jaħdmu waħidhom għalihom nfushom mid-dar u li huma ingaġġati minn xi persuna għal skopijiet ta’ xogħol mid-dar. Il-Ministru spjega li ħafna drabi dan ix-xogħol ikun marbut ma’ xogħol tal-idejn u li ma jkunx hemm relazzjoni bejn min iħaddem u min qed jaħdem mid-dar.
Falzon saħaq li issa homeworker se jkun jista’ jitlob eżenzjoni fuq il-ħlas tal-bolla jekk id-dħul nett tiegħu ma jaqbiżx l-ekwivalenti ta’ nofs il-paga minima jew €4,460 fis-sena. Permezz ta’ din il-bidla, dawn il-persuni jistgħu jagħżlu li ma jħallsux il-bolla, iżda dejjem tibqa’ l-għażla li jħallsuha jekk iridu.
Helena Dalli qalet li l-liġijiet preżenti ma jkoprux dawn it-tip ta’ ħaddiema u tikklassifikahom bħala ħaddiema li jaħdmu għal rashom. Għaldaqstant huma obbligati jħallsu l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali kif ukoll jistgħu jitilfu xi dritt għal benefiċċji soċjali minħabba d-dħul minn dan ix-xogħol.
Il-Ministru Dalli żiedet tgħid ukoll li wara li d-Dipartiment tax-Xogħol u Relazzjonijiet Industrijali eżamina l-ingaġġ ta’ dawn il-persuni li jaħdmu xogħol bażiku t’armar ta’ oġġetti fuq bażi flessibbli mid-dar irriżulta li ma kienx hemm sitwazzjoni ta’ sfruttament jew abbuż.
Skont Dalli, dan it-tip ta’ xogħol, il-kumpaniji joffruh bħala parti mil-corporate social responsibility tagħhom. Dalli stqarret li mill-investigazzjonijiet li saru mid-Dipartiment tax-Xogħol jidher ċar li l-kumpaniji li jkunu qed joffru dan ix-xogħol tiġihom irħas jekk dawn il-prodotti jinħadmu fil-linja tal-produzzjoni normali.
Aktar kmieni dan ix-xahar, l-eks-Ċerpersin tal-Alternattiva Demokratika Arnold Cassola fakkar kif kien żvela li għadd ta’ persuni li kienu qed jaħdmu mid-dar f’Malta biex jibnu ġugarelli għal mhux aktar minn €2 fis-siegħa. Skont Cassola, ħaġa simili kienet qed tiġri fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin.
Ritratt: DOI – Pierre Sammut