Tibdil fid-disinn taċ-ċentru tas-saħħa minħabba xelter tal-gwerra

Il-Gvern ħabbar li l-ewwel binja taċ-Ċentru tas-Saħħa Reġjonali ta’ Raħal Ġdid, magħruf bħala ċ-Ċentru Reġjonali Ċensu Moran, mistennija tkun lesta sal-aħħar ta’ din is-sena.

Waqt żjara li l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne għamel fuq il-post huwa ħabbar li d-disinni tal-binja nbidlu biex ikunu ppreservati żoni sensittivi li nstabu wara li bdew ix-xogħlijiet, li jinkludu xelter ta’ żmien it-Tieni Gwerra Dinija u ġibjun tal-ilma, li issa ġew inkorporati fid-disinni l-ġodda.

Fi stqarrija ntqal li x-xogħol beda disa’ xhur ilu u fil-ġranet li ġejjin mistenni jibda xogħol ta’ skavar.

Id-Deputat Prim Ministru qal li ċ-ċentru tas-saħħa se jtaffi mill-ħidma tal-isptar Mater Dei hekk kif fih jistgħu jsiru operazzjonijiet ħfief minħabba li se jkun mgħammar b’tagħmir tal-ogħla livell. Fosthom se jiġu offruti aktar minn 25 servizz lil madwar 205,000 persuna li jgħixu fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi qal li qed issir investiment ta’ €33 miljun minn fondi Ewropej.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi (FMS) Carmen Ciantar spjegat li dan il-proġett se jkollu kobor konsiderevoli fuq medda ta’ 40 tomna art. Saħqet li l-Fondazzjoni ħadmet id f’id mas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali biex il-wirt storiku li nstab jiġi preservat filwaqt li x-xogħlijiet jibqgħu għaddejjin mingħajr ma ssir ħsara lis-sejbiet arkeoloġiċi.