Filmat: Tibda ż-żjara statali tar-Reġina

Ir-Reġina Eliżabetta II bdiet iż-żjara tagħha f’Malta llum, ġurnata biss qabel jingħata bidu għal-Laqgħa Ġenerali tal-Kapijiet ta’ Stat tal-pajjiżi tal-Commonwealth (iċ-CHOGM).

Ir-Reġina flimkien mad-Duka ta' Edinburgh, waslu fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta għall-ħabta tat-3.30 ta’ waranofsinhar, ftit wara l-wasla tal-Prinċep ta' Wales u d-Dukessa ta' Cornwall li waslu fuq ajruplan separat iktar kmieni waranofsinhar.

Fl-4pm ingħata bidu għaċ-ċerimonja tal-wasla li minħabba t-temp kiefer saret fil-Palazz ta’ San Anton f’Ħ’Attard minflok fil-Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta. 
Iktar tard ir-Reġina kellha sensiela ta' laqgħat formali fosthom mal-President ta' Malta u l-Prim Ministru.