Tibda ż-żjara f’Malta tal-Ministru Libjan għat-Turiżmu

Illum waslet Malta l-Ministru għat-Turiżmu tal-Libja Ikram Bash Imam u d-delegazzjoni Libjana għal żjara uffiċjali fuq stedina tal-Gvern Malti.

Waqt laqgħa f'Dar il-Mediterran mal-Ministru Malti għat-Turiżmu, il-Ministru Libjana semmiet kif wara r-rivoluzzjoni ta’ sentejn ilu, il-Gvern Libjan għadu fil-bidu u qed iħares lejn esperjenzi pożittivi ta’ pajjiżi oħra, fost l-oħrajn lejn dik ta’ Malta fil-qasam turistiku.

F’dan ir-rigward hija qalet li kien għalhekk li l-Gvern Libjan huwa interessat li jara x’għamlet Malta f’dan is-settur hekk importanti.

Fost is-suġġetti l-oħra li ġew diskussi kien hemm ir-revizjoni fil-ftehim ta’ koperazzjoni fil-qasam turistiku li kien sar bejn Malta u l-Libja fl-1995, it-tfassil ta’ programmi edukatttivi u dwar żjara fil-Libja għall-operaturi turistiċi u n-negozji.

Min-naħa tiegħu l-Ministru Karmenu Vella tkellem dwar l-importanza tal-industrija turistika għall-ekonomija Maltija li b’mod dirett tikkontribwixxi medja ta’ madwar 23% fil-prodott gross domestiku u ferm aktar b’mod indirett.

 

Ritratti: DOI – Clodagh Farrugia O'Neil