Tibda tonqos ir-rata ta’ min ikollu jiċċaħħad mil-lat materjali

Skont ċifri ppubblikati mill-Eurostat, ir-rata ta’ familji li jkollhom jiċċaħdu minn oġġetti materjali f’Malta bdiet it-triq tan-niżla wara li laħqet il-quċċata tagħha fl-2014.
Iċ-ċifri ppubblikati huma l-ewwel indikazzjonijiet għall-2015 u juru li s-sena li għaddiet, dawk li kellhom jiċċaħdu b’mod sever f’Malta niżlu għal 8.1% tal-popolazzjoni.
Skont il-Eurostat, jiċċaħdu b’mod sever dawk li ma jkunux jistgħu jħallsu l-kontijiet tagħhom, isaħħnu d-dar b’mod adegwat fix-xitwa u jieħdu btala ta’ ġimgħa ’l barra mid-dar tagħhom.
L-ogħla rata f’Malta kienet sentejn ilu meta qabżet l-10% (10.2%).
Bħala medja fl-UE l-iktar sena diffiċli kienet l-2012, bir-rata ta’ 9.9% u kull sena wara naqset xi ftit.
Il-medja għall-2015 kienet ta’ 8.2% li tfisser iktar minn 41 miljun ruħ li kellhom jiċċaħħdu b’mod materjali.
Familji bit-tfal, inkluż ġenituri weħidhom, kienu affettwati iktar minn dawk mingħajr tfal u djar b’persuna waħda kienu affettwati wkoll iktar minn dawk b’żewġ adulti.