Jibdew iwessgħu Triq il-Balal

Beda xogħol għat-twessigħ ta’ Triq il-Balal, li tgħaqqad in-Naxxar, il-Għargħur, l-Iklin u San Ġwann.

Dan il-proġett jestendi mir-roundabout fin-naħa ta’ fuq tat-triq, li tgħaqqad Triq tal-Balal man-Naxxar, l-Iklin u Triq M. Murray lejn u mill-Għargħur, u jispiċċa f’San Ġwann.

Ix-xogħlijiet jinkludu l-bini ta’ korsija ġdida ta’ 2 kilometri fil-karreġġjata ’l isfel ta’ din it-triq, min-Naxxar għal San Ġwann, u l-bini mill-ġdid tal-erba’ roundabouts ta’ Triq tal-Balal, biex jiġu introdotti bypass lanes ġodda.

Skont stqarrija tal-Ministeru għat-Trasport, id-disinji ġodda tar-roundabouts se jnaqqsu l-ħinijiet tal-ivvjaġġar f’diversi toroq sekondarji fl-inħawi, inkluż Triq tal-Ibraġ li tgħaqqad l-inħawi tal-Ibraġ u l-Madliena fis-Swieqi ma’ San Ġwann, u Triq M. Murray li tgħaqqad l-inħawi ta’ Birguma u tat-Tarġa fin-Naxxar ma’ Triq tal-Balal.

Id-dawl tat-triq u s-sistemi tat-trażżin tal-vetturi għandhom jitjiebu wkoll. Id-disinn ġdid tat-triq jinkludi wkoll numru ta’ lay-bys għall-karozzi tal-linja għal vjaġġar aktar sigur bit-trasport pubbliku.

Infrastructure Malta qed jieħdu ħsieb dal-proġett, li mistenni jitlesta sal-aħħar tas-sajf.