Tibda tittieħed it-temperatura ta’ kull MP… il-qiegħa tisħon malajr

Qed tittieħed it-temperatura lil kull membru parlamentari qabel ma jidħol fil-Parlament. Dan ħabbru l-Whip Laburista Glenn Bedingfield fil-bidu tas-seduta tal-Erbgħa filgħaxija. 

Huwa qal li kull min jinstab li għandu d-deni mhux se jitħalla jidħol fil-binja tal-parlament. Fid-dawl ta’ dan il-ftehim li ntlaħaq bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni, kellha tiġi sospiża standing order li tgħid li ‘l-ebda membru parlamentari m’għandu jitwaqqaf milli jaqdi dmiru fil-parlament’. 

L-Ispeaker Anġlu Farrugia qal fid-dawl tal-miżuri li daħlu fil-House of Commons, il-Parlament kien se jaddotta miżuri simili fis-sens li se tinżamm id-distanza ta’ metru bejn il-membri parlamentari waqt li jibqgħu biss dawk li jkunu qed jagħmlu xogħol fil-kamra. 

Id-deputat Parlamentari David Agius qal li hu talab is-sedje biex jitlob is-supretendenza tas-saħħa pubblika biex tiċċertifika li l-post hu sigur.

Minkejja dan, it-temperatura telgħet fil-bidu tas-seduta hekk kif l-Oppożizzjoni lmentat mal-Ispeaker li l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna kien qed juża ton politiku fir-risposti tiegħu, meta mhux il-mument li jsir dan fiċ-ċirkustanzi li jinsab fihom il-pajjiż. 

Scicluna stqarr li kieku Malta ma kinitx f’pożizzjoni finanzjarja tajba u li kieku kellu jreġġa’ lura l-arloġġ għall-2013, kieku l-Gvern ma kienx ikun kapaċi li joffri wens lill-intrapriżi u l-ħaddiema fil-mument li jinsab fih il-pajjiż.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn