Filmat: Tibda titfassal l-ewwel sistema ta’ akkomodazzjoni f’Malta

Read in English.

Malta bdiet tfassal l-ewwel sistema ta’ akkomodazzjoni.

F’seminar dwar il-housing il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes qal li l-erba’ pilastri li fuqhom se tkun ibbażata din is-sistema huma n-nies, il-konnettività, is-sostenibbilità, u d-diġitiliżżazzjoni.

Il-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali stieden żewġ esperti barranin biex jagħtu l-kontribut tagħhom fit-tfassil tas-sistema. Dawn huma l-Professur Nicholas Pleace u Dr Julie Regg (Università ta’ York).

Il-Ministeru qed jorganizza jumejn ta’ workshops f’lukanda f’Ħ’Attard biex diversi msieħba jagħtu l-opinjonijiet tagħhom dwar x’għandu jsir f’din is-sistema. B’kollox se jsiru 11-il workshop.

Fid-diskors tiegħu li bih fetaħ is-seminar, il-Ministru Galdes qal li n-nies għandhom bżonn djar adegwati biex jgħixu ħajja dinjituża. Qal li n-nies għandhom ikunu fiċ-ċentru tas-sistema tal-housing. Saħaq li s-sistema għandha bżonn data xjentifika biex tkun lesta għall-futur. Spejga li l-akkomodazzjoni dejjem kienet suġġett sensittiv f’Malta.

Wħud mill-imsieħba li ġew mistiedna jagħtu l-kontribut tagħhom jinkludu akkademiċi mill-Fakultà tal-Arkitettura u t-Tisħiħ tas-Soċjetà tal-Università ta’ Malta, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi (MDA), il-Fondazzjoni Richmond, u l-YMCA.

Tista’ taqra aktar dwar is-sistema u l-workshops minn hawn.