‘Sibtha mal-art b’sikkina mwaħħla f’rasha’

Read in English.

Illum bdiet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każ tal-qtil ta’ Chantelle Chetcuti.

Fis-seduta xehed ir-raġel li kien l-ewwel persuna li sabet lill-vittma wara li ġiet attakkata. Jgħid li sabha mal-art b’sikkina mwaħħla f’rasha.

Xi spikka mis-seduta tal-lum?

  • Raġel jgħid li kien ma’ Chantelle Chetcuti fil-klabb tal-futbol ta’ Ħaż-Żabbar. Ħin minnhom ġie l-akkużat u qal li ried ikellem lil Chetcuti. Hi ma riditx
  • Chetcuti ħarġet mill-klabb. L-akkużat ħareġ warajha. Ftit wara daħal xi ħadd jgħajjat għall-ambulanza
  • Jixhed ir-raġel li kien l-ewwel li sab lill-vittma mal-art. Jgħid li kellha sikkina mwaħħla f’rasha
14:05 Is-seduta tal-lum tintemm hawn. Il-każ ikompli fl-24 ta' Frar f'12pm. Grazzi talli segwejtuna
Christoph Schwaiger
14:03 Il-prosekuzzjoni tgħid li hemm mill-inqas 8 xhud pajżana li jridu jixhdu fil-każ.
Christoph Schwaiger
14:01 Il-Qorti taħtar lil Dr Marisa Mifsud biex tagħmel traskrizzjonijiet tal-interrogazzjoni li saret lill-akkużat.
Christoph Schwaiger
14:00 Tintemm ix-xhieda tagħha.
Christoph Schwaiger
13:58 Il-pulizija tgħid li meta saret tfittxija fuq l-akkużat instabu żewġ qratas żgħar b'sustanza suspettata droga. Tgħid ukoll li kien hemm xi kameras tas-CCTV fil-qrib.
Christoph Schwaiger
13:53 Tixhed uffiċjal tal-Pulizija li spjegat x'kienet il-ħidma tal-pulizija dakinhar. Tgħid li l-akkużat ittieħed l-isptar għax kellu ferita f'idejh.
Christoph Schwaiger
13:50 Tintemm ix-xhieda tar-raġel.
Christoph Schwaiger
13:49 Ra lill-vittma tferfer b'idejha fuq rasha. Jgħid li dak il-ħin hu biss kien qiegħed barra.
Christoph Schwaiger
13:48 "Ma tgħidx per eżempju telaq jiġri" – ix-xhud
Christoph Schwaiger
13:47 Meta x-xhud niżel mill-karozza, r-raġel l-ieħor kien miexi lejn il-karozza tiegħu (tal-akkużat).
Christoph Schwaiger
13:46 Jaħseb li ra lir-raġel ixejjer mill-inqas daqtejn lejn il-mara. Għall-ewwel ħaseb li kien ta xi daqqa ta' ponn. Jgħid li ħass li kellu jieqaf jgħinha.
Christoph Schwaiger
13:45 Ir-raġel jgħid li ra lir-raġel l-ieħor ixejjer idejh lejn il-mara. Resaq lejha u sab lill-vittma b'sikkina mwaħħla f'rasha. Daħal fil-każin biex jgħid lin-nies iċemplu għal ambulanza.
Christoph Schwaiger
13:44 Jixhed raġel li jgħid li kien għaddej bil-karozza dak il-ħin tal-inċident. Jgħid li ra raġel isawwat mara. Waqqaf il-karozza u qal lit-tfal li kienu miegħu joqogħdu fiha.
Christoph Schwaiger
13:40 Tintemm ix-xhieda tal-pulizija
Christoph Schwaiger
13:39 L-uffiċjal jgħid li uffiċjali tal-kontrol room bagħtu għall-RIU u għal ambulanza. L-akkużat ittieħed l-isptar b'ambulanza.
Christoph Schwaiger
13:37 L-uffiċjal jgħid li kien xogħol fit-2 ta' Frar fid-Depot tal-Furjana. Għat-8.20pm ġie l-akkużat.
"Għadni kemm tajt daqqa ta' sikkina it-tfajla tiegħi," qallu l-akkużat. Il-pulizija jispjega li r-raġel kellu xokk fuqu imma li kien "kalm ukoll". Kellu d-demm mal-flokk tiegħu u ma' idejh.
Christoph Schwaiger
13:35 Tintemm ix-xhieda ta' Medina. Jibda jixhed uffiċjal tal-Pulizija.
Christoph Schwaiger
13:34 Silvan Medina jgħid Chantelle Chetcuti kienet qed tilgħab il-billiard. L-akkużat kien qed idur warajha waqt li kienet qed tilgħab.
Christoph Schwaiger
13:32 "La hawn hu, se jkun jaf hu" – hekk qalet Chantelle Chetcuti meta rat lil Dillon.
Christoph Schwaiger
13:30 Medina jgħid li l-akkużat kien waħdu meta daħal fil-bar. Ħin minnhom, l-akkużat talbu biex ikellem lill-vittma. Medina qal li ma riedx jidħol bejniethom.
Christoph Schwaiger
13:29 F'ħin minnhom Chantelle ħarġet barra mill-bar u wara ħareġ warajha l-akkużat. Ftit sekondi wara, daħal raġel jgħajjat biex in-nies iċemplu għall-ambulanza.
Christoph Schwaiger
13:28 Medina jgħid li wara ftit ġie l-akkużat u qal li ried ikellem lill-vittma. Chantelle Chetcuti qalet li ma riditx tkellmu.
Christoph Schwaiger
13:26 Medina jgħid li kien daħal fi stabbiliment mal-vittma bejn il-5 u s-6pm. Ġie ċertu wieħed Dillon u Chantelle qaltlu li la hawn dan Dillon se jkun jaf l-eks sieħeb tagħha li kienet hemm.
Christoph Schwaiger
13:23 Medina kien preżenti dakinhar tal-inċident
Christoph Schwaiger
13:22 Jibda jixhed Silvan Medina, wara li l-maġistrat titolbu jirranġa l-ingravata.
Christoph Schwaiger
13:19 L-akkużat jinsab bilqiegħda fl-ewwel bank, liebes ġlekk iswed u qmis griża.
Christoph Schwaiger
13:17 Kulħadd jimxi lejn awla oħra biex jibda jinstema' l-każ. Dan għaliex kienet qed tinstema' mużika ġejja mit-triq fl-awla l-oħra. Il-Maġistrat ħasset li jkun aktar xieraq li s-seduta tibda f'awla oħra.
Christoph Schwaiger
12:10 Dalwaqt mistennija tibda l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każ tal-qtil ta' Chantelle Chetcuti
Christoph Schwaiger

Il-ġimgħa l-oħra raġel ta’ 33 sena minn Ħal Safi tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea akkużat b’omiċidju, fost oħrajn. Hu wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih. L-akkużat deher fil-qorti liebes suit u kellu faxxa ma’ subgħajh iż-żgħir tax-xellug. Hu ġie akkużat bl-omiċidju ta’ Chantelle Chetcuti, li kienet l-eks sieħba tiegħu u omm iż-żewġ uliedu, kif ukoll b’pussess ta’ droga. Il-każ seħħ il-Ħadd għall-ħabta tat-8pm fi Triq il-Kbira f’Ħaż Żabbar.

L-avukati tad-difiża huma Franco Debono, Marion Camilleri, u Francesca Zarb.

Filmat: Miguela Xuereb