Aġġornata: Approvat il-manifest elettorali tal-Partit Laburista

Titlaqqa’ il-konferenza ġenerali staordinarja tal-Partit Laburista li fi tmiemha ġie approvat il-manifest elettorali tal-PL.

Fost il-proposti tal-Partit Laburista dwar l-edukazzjoni, hemm li:

• Tinżamm u titkompla s-sistema tal-istipendji
• Jingħata tablet b’xejn lil kull tifel u tifla fir-raba sena primarja kif ukoll lill-għalliema fl-iskejjel kollha tal-pajjiż. Jitwaqqaf fond nazzjonali ‘One Tablet Per Child’.
• Jinbeda proċess ta’ tibdil u aġġornar tal-laptops ġodda lill-għalliema. Kindergarten assistants u LSAs jingħataw laptops.
• Titnieda strateġija nazzjonali kontra l-illiteriżmu u programm ta’ screening sabiex jiġu identifikati diffikultajiet fit-tagħlim.
• Jinfetħu diskussjonijiet mal-Knisja dwar kif tista’ tissaħħaħ l-amministrazzjoni ċentrali li tappoġġja u tikkordina t-tmexxija ta’ dawn l-iskejjel.

Dwar l-Ekonomija, il-Manifest Elettorali jipproponi li:

• Jiġi mplimentat it-tnaqqis fit-taxxa mid-dħul filwaqt li titneħħa minnufih it-taxxa minn fuq il-paga minima.
• Jitwaqqaf ‘team’ ta’ azzjoni għat-tkabbir tal-ekonomija magħmul minn nies f’diversi oqsma
• Jiżdiedu l-isforzi biex tkun ikkontrollata l-evażjoni fiskali. Kull sena l-Gvern jippublika t-tweġiba tiegħu għar-rapport anwali tal-Awditur Ġenerali.
• Jitwaqqaf Kunsill Fiskali Indipendenti bl-iskop li jevalwaw il-proġettazjonijiet tal-Gvern ġdid. Jitwaqqaf ukoll Kummisarju responsabbli mis-simplifikazzjoni amministrattiva, bl-iskop li l-proċessi burokratiċi eżistenti jitnaqqsu b’25%.
• Jingħata start up tax credit fl-ewwel sentejn tal-operat ta’ negozju ġdid. Tingħata tax credit a’ 150% tal-ispiza tat-taħriġ lil min iħaddem, jekk it-taħriġ jingħata lil persuna li ma tkunx impjegata.
• Jitqiegħdu f’Ministeru wieħed it-Turiżmu u l-Air Malta.

Sabiex jinġoloq aktar xogħol, il-Partit Laburista jipproponi li:

• Ikun offrut childcare bla ħlas, filwaqt li tkun imnaqqsa l-income tax fuq miżati ta’ childcare centres għal dawk li xorta jkunu jixtiequ jibgħatu lil uliedhom f’ċentri privati.
• Titnaqqas it-taxxa fuq xogħol part time. Se tgħola minn €7,000 għal €10,000 l-ammont taxxabbli bir-rata ta’ 15%.
• Jiġu skwalifikati milli jipparteċipaw f’offerti għal xogħlijiet tal-Gvern dawk il-kumpaniji li jħaddmu lin-nies b’mod prekarju.
• Tingħata tax credit ta’ 150% tal-ispiża tat-taħriġ lil min iħaddem, jekk it-taħriġ jingħata lil persuna li kienet bla xogħol.

Dwar l-Enerġija, il-proposti jinkludu:

• Roħs ta’ 25% fil-kontijiet tad-dawl u ta’ 5% fil-kontijiet tal-ilma.
• Investiment ġdid f’teknoloġija li taħdem bil-gass.
• Kontijiet li jinbagħtu fi frekwenza stabbilita u bi qbil mal-konsumatur stess.
• Jingħalqu l-power station tal-Marsa u l-fażi ta’ Delimara l-antika.
• Isir ezerċizzju ta’ Energy Efficiency b’xejn għal kull dar f’Malta u Għawdex.
• Jitnieda Water Saving Kit li jiffranka sa 25% fil-konsum tal-ilma għall-familji kollha.
• Jitwettqu skemi ta’ għajnuna għal xiri ta’ panelli solari, solar water heaters, double glazing u insulazzjoni. Tingħata opportunità ta’ investiment f’panneli solari anki lil min m’għandux post f’daru.
• L-Enemalta ssir aktar vijabbli finanzjarjament.

Fost il-proposti fil-qasam tas-saħħa, il-manifest jgħid li taħt Gvern Laburista:

• Ikun hemm public private partnership bejn sptarijiet privati u l-Gvern.
• Jiddaħħal charter tad-drittijiet tal-pazjenti li fih ikun hemm speċifikat iż-żmien massimu ta’ stennija għal kull operazzjoni.
• Jiġi introdott ċentru għat-telefonati li jagħti informazzjoni u gwida dwar operazzjonijiet.
• Ikun hemm aktar mediċini b’xejn, u l-mediċini jitqassmu fid-djar tal-pazjenti.
• Jiġi immodernizzat l-isptar ġenerali t’Għawdex.
• Ikun hemm ħlas mill-Gvern għal żewġ ġenituri, mhux wieħed, f’każ ta’ kura barra għall-ulied.

Il-Manifest isemmi miżuri favur id-drittijiet ċivili u soċjetà ġusta:

• Jinħatar politiku responsabbli għal-libertajiet ċivili u l-ugwaljanza
• Tidħol liġi dwar il-koabitazzjoni u jinħatar kunsill konsultattiv għat-tisħiħ tad-drittijiet għal persuni LGBT.
• Ikunu permessi civil unions bejn persuni tal-istess sess
• Tiġi introdotta liġi għad-drittijiet tat-tfal
• Tiżdied il-pensjoni għal persuni b’diżabilità

Dwar Għawdex, il-Partit Laburista jgħid li se jdaħħal framework speċjali għall-investiment u jniedi inċentivi fiskali għan-negozji. Dan filwaqt li jtejjeb is-servizzi mill-isptar t’Għawdex u jkompli bl-istudji dwar link permanenti bejn Malta u Għawdex.

L-iktar proposta li tispikka fejn jidħol l-ambjent huwa li jkun hemm żewġ awtoritajiet differenti; waħda għall-ambjent u r-riżorsi u l-oħra għall-ippjanar u l-iżvilupp sostenibbli.

Il-Partit Laburista jipproponi li Ministri u Segretarji Parlamentari ma jiħdux €500 fil-ġimgħa żieda, u tiddaħħal il-Whistleblower Act. Ikun hemm ukoll rifroma fix-xandir pubbliku. Titbaxxa l-età tal-vot għal dawk li għalqu s-16-il sena.