Tibda t-tieni fażi tal-proġett tal-għargħar f’Ħal Lija

Għada filgħodu se jibda x-xogħol fuq it-tieni fażi biex tinbidel is-sistema ta’ drenaġġ f’Ħal Lija, b’rabta mal-proġett nazzjonali għat-taffija tal-għargħar.
Ix-xogħol se jinvolvi t-tħaffir ta’ trinek f’fond ta’ tliet metri taħt il-livell tat-triq, il-bdil tal-pajpijiet tad-drenaġġ li għandhom ħsarat kbar, kif ukoll it-tqegħid ta’ gradilji ġodda għall-ilma tax-xita.
Għaldaqstant, għall-ġimgħat li ġejjin se jkun hemm devjazzjonijiet tat-traffiku.
It-traffiku li jkun ġej minn Triq Dun Karm Psaila (by-pass ta’ Birkirkara) u sejjer lejn il-Mosta, ma jdurx mar-roundabout iżda jgħaddi lejn in-naħa tal-lemin u jitla’ lejn il-Mosta minn Triq il-Kbira.
It-traffiku li ġej mid-direzzjoni ta’ Birkirkara (Triq in-Naxxar) u Ħal Balzan (Triq il-Wied) u sejjer lejn il-Mosta, se jgħaddi min-naħa tax-xellug tar-roundabout lejn Triq il-Kbira.
It-traffiku li se joħroġ minn Triq it-Trasfigurazzjoni f’Ħal Lija u jrid imur lejn il-Belt Valletta, Birkirkara jew Ħal Balzan, se jiġi ddevjat lejn iċ-ċimiterju ta’ Ħal Lija, u jdur ’l isfel lejn Triq il-Kbira u jibqa’ sejjer lejn Triq Dun Karm Psaila.
It-traffiku li nieżel mill-Mosta u min-Naxxar, ma jkunx jista’ jdur mar-roundabout lejn Birkirkara jew Ħal-Balzan iżda jkun irid jipproċedi minn Triq Dun Karm Psaila u jdur mar-roundabout ta’ ħdejn Triq Ganu.
Fuq il-post, twaħħlu tabelli apposta biex jiggwidaw lis-sewwieqa u se jkun hemm uffiċjali tal-infurzar biex jgħinu lis-sewwieqa.
Il-ħaddiema se jibqgħu għaddejjin sa tard bil-lejl.