Tibda t-tellieqa għall-PM il-ġdid tar-Renju Unit

It-tellieqa sabiex jinstab mexxej tal-Partit Konservattiv bdiet hekk kif il-Prim Ministru kurrenti, Theresa May ħabbret li se tkun qed tirreżenja x-xahar id-dieħel. Il-BBC spjega li din it-tellieqa mhux biss se twassal għal mexxej ġdid tal-Partit, iżda wkoll għal Prim Ministru ġdid tar-Renju Unit.

Il-mexxej il-ġdid mistenni jiġi magħżul sal-aħħar ta’ Lulju, filwaqt li May ikkonfermat ilbieraħ li r-reżenja tagħha minn mexxejja tal-Partit se ssir fis-7 ta’ Ġunju. Qalet li hi se tkompli tmexxi bħala Prim Ministru sakemm l-elezzjoni tal-mexxej il-ġdid tkun tista’ sseħħ.

Hi ftiehmet maċ-Chairman tal-Kumitat tal-1922, Sir Graham Brady, li l-proċess sabiex jitgħażel mexxej ġdid għandu jibda ġimgħa wara li hi tirreżenja.

Jidher li s’issa hemm erba’ kandidati konfermati li għandhom l-intenzjoni biex jikkontestaw il-pożizzjoni. Dawn huma:

  • Is-Segretarju għall-Affarijiet Barranin Jeremy Hunt
  • Is-Segretarju għall-Iżvilup Internazzjonali Rory Stewart
  • L-eks Segretarju għall-Affarijiet Barranin Boris Johnson
  • L-eks Segretarja għax-Xogħol u l-Pensjonijiet Esther McVey