Tibda t-tellieqa għal Deputat Kap tal-PL

Il-Partit Laburista se jibda l-proċess biex jeleġġi d-Deputat Kap tal-PL għall-Affarijiet tal-Parlament.
Id-delegati tal-PL jistgħu jeleġġu bejn il-Ministri Helena Dalli, Chris Fearne u Edward Scicluna. Min jintgħażel se jkun qed jieħu post Louis Grech.
Intant illejla se ssir ukoll Laqgħa Ġenerali Straordinarja fejn matulha se tibda l-votazzjoni.
Il-votazzjoni tkompli għada bejn l-10am u t-8pm f’Malta u bejn l-10am u s-2pm f’Għawdex.
F’każ li ħadd mill-kandidati ma jġib il-50%+1, l-ewwel żewġ kandidati li jkollhom l-aktar voti jidħlu għal elezzjoni oħra nhar is-Sibt li ġej. L-elezzjoni tas-Sibt se ssir biss f’Malta bejn l-10am u t-8pm.
Matul il-laqgħa ġenerali straordinarja d-delegati wkoll se jivvotaw biex jerġgħu jikkonfermaw lill-Kap tal-PL Joseph Muscat u d-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Chris Cardona.
Intant fi stqarrijiet differenti l-kandidati għaddew l-aħħar messaġġ tagħhom lid-delegati tal-PL. Il-Ministru Helena Dalli qalet li jekk tingħata l-fiduċja, se twaqqaf struttura sabiex id-delegati jkollhom sehem sħiħ fit-twettiq tal-manifest elettorali.
Min-naħa tiegħu l-Ministru Edward Scicluna qal li tgħallem ħafna mingħand id-delegati tal-Partit u sarulu diversi suġġerimenti li jaqgħu taħt il-pjan tiegħu, li fi kliemu diġà beda jaħdem fuqu.
Min-naħa tiegħu l-Ministru Chris Fearne tella’ l-aħħar attività tal-kampanja li matulha għadd ta’ personalitajiet wrew l-appoġġ tagħhom lejh.