Aġġornata: Punti ndaqs fir-Regatta għal Bormla u l-Marsa

Fir-Regatta tradizzjonali ta' Jum il-Vitorja, din is-sena kien hemm żewġ rebbieħa – Bormla u l-Marsa li t-tnejn spiċċaw it-tiġrijiet tar-regatta bl-istess ammont ta' punti meta kisbu 64 punt kull wieħed. Issa dawn iż-żewġ timijiet jaqsmu x-Shield bejniethom fejn iżommuha għal sitt xhur kull wieħed. 

Intant Kategorija B tar-Regatta intrebħet mill-Isla fejn il-Kalkara spiċċaw fit-tieni post. 

Aktar kmieni:

L-istess port li kien fiċ-ċentru tal-ġrajja tal-Assedju l-Kbir, kif ukoll tat-Tieni Gwerra Dinjija, ftit tal-ħin ilu mtela b’mijiet ta’ partitarji ta’ diversi klabbs, biex jassistu għar-Regatta tradizzjonali ta’ Jum il-Vitorja organizzata mill-Kunsill Malti għall-Isport.

Il-klabbs li qed jieħdu sehem fir-Regatta huma: il-Marsa, Bormla, Il-Kalkara, Marsamxett, Birżebbuġa, l-Birgu u l-Isla.

Bħas-soltu l-għaxar tiġrijiet huma maqsuma f’kategoriji:

  • L-1 tiġrija: Kategorija B – Dgħajjes tal-Pass
  • It-2 tiġrija: KategorijaOpen – Dgħajjes A tal-Midalji
  • It-3 tiġrija: Kategorija B – Kajjikki
  • Ir-4 tiġrija: Kategorija Open – Frejgatini
  • Il-5 tiġrija: Kategorija B – Dgħajjes A tal-Midalji
  • Is-6 tiġrija: Kategorija Open – Dgħajjes C tal-Pass
  • Is-7 tiġrija: Kategorija B – Frejgatini
  • It-8 tiġrija: Kategorija Open – Kajjikki
  • Id-9 tiġrija: Kategorija B – Dgħajjes B tal-Pass
  • L-10 tiġrija: Kategorija Open – Dgħajjes B tal-Pass

Fl-aħħar ħames snin ir-Regatta tal-Vitorja ntrebħet mill-Isla, iżda din is-sena l-klabbs ta’ Bormla u tal-Marsa qed jittamaw li jieħdu fil-klabb tagħhom ix-Shield tradizzjonali.

Intant minbarra t-tiġrijiet, din is-sena l-Kunsill Malti għall-Isports ħa ħsieb li jorganizza numru ta’ attivitajiet sabiex iżjed persuni jibdew jinteressaw ruħhom f’dan l-isport tradizzjonali.

Ritratti: Kunsill Malti għall-Isport