Tibda operazzjoni metikoluża fuq il-Costa Concordia

Fl-Italja ingħata bidu għal ħidma ferm metikoluża biex il-cruise liner Costa Concordia jinqala mill-kosta ta’ Giglio.

Dan il-cruise liner kien involut f’inċident fejn tilfu ħajjithom 32 persuna meta inkalja mal-kosta tal-gżira Giglio f’Jannar tas-sena li għaddiet.

It-Taqsima tal-Protezzjoni Ċivili Taljana sostniet li l-kundizzjonijiet tal-baħar u r-riħ huma favorevoli sabiex ikunu jistgħu jidrittaw il-cruise liner.

Mill-banda l-oħra, l-inġiniera tal-kumpanija qatt ma wettqu operazzjoni ta’ din ix-xorta fuq bastiment li nkalja b’dan il-mod.

Il-ħaddiema rnexxilhom idawru mal-Costa Concordia ktajjen tal-azzar fl-isforz li jirnexxilhom johorgu mill-kosta dan il-cruise liner li huwa tqil 114,000 tunnellata u twil aktar minn tliet grawnds tal-futbol.

Ħames persuna ingħataw sentenza ta’ priġunerija fuq dan il-każ, filwaqt li l-Kaptan Francesco Schettino jinsab għaddej ġuri mixli bi qtil volontarju wara li kien abbanduna l-cruise liner.