Tibda l-votazzjoni għal mexxej ġdid tal-PL

Illum bdiet il-votazzjoni bikrija għall-elezzjoni ta’ mexxej għall-Partit Laburista bejn żewġ kandidati, Chris Fearne u Robert Abela.

L-elezzjoni propja se ssir nhar is-Sibt li ġej, iżda min mit-tesserati ma jistax jivvota dakinhar, jista’ jivvota llum. Il-votazzjoni fetħet fid-9am u tagħlaq fit-8pm, u qed issir fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun u fiċ-Ċentru Laburista f’Ta’ Sannat f’Għawdex.

Illum mistennija jivvutaw ftit inqas minn 200 membru tal-Partit Laburista.

Ilbieraħ waqt il-Konferenza Ġenerali tħabbar illi hemm 17,500 tesserat eliġibbli li jivvota f’din l-elezzjoni sabiex jintgħażel is-suċċessur tal-Prim Ministru Joseph Muscat.

Nhar is-Sibt il-votazzjoni tibda fit-8am u tibqa’ sejra sat-8pm f’kull distrett elettorali. Ir-rebbieħ mistenni jitħabbar kmieni l-Ħadd filgħodu.