Tibda l-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra raġel akkużat li xtara splussiv

Miguela Xuereb

Il-Qorti semgħet li r-raġel Malti li nqabad allegatament jipprova jimporta splussiv kien qed jipprova jakkwista l-isplussiv militar magħmul bħala Composition 4 jew C4.

Dan ħareġ fil-qorti lbieraħ, fl-ewwel seduta fil-kumpilazzjoni tax-xhieda quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech kontra raġel ta’ 34 sena residenti Ħaż-Żebbuġ li hu akkużat b’importazzjoni ta’ splussivi.

Il-Pulizija spjegat kif irnexxielha taqbad lill-akkużat permezz ta’ kuntatt mas-servizzi tal-intelliġenza barranin. Dawn wasslu biex isibu l-komunikazzjoni bl-internet bejn il-bejjiegħ u x-xerrej potenzjali.

F’din il-komunikazzjoni ta’ bejniethom, li fiha t-tnejn baqgħu anonimi, issemmew ukoll il-veleni Polonium-210 u Ricin. Issemmiet ukoll il-vittma potenzjali ta’ dan il-velenu, raġel li ssemma t-tul u l-piż tiegħu sabiex tiġi kkalkulata d-doża meħtieġa.

Fil-qorti nstema’ kif ladarba l-Pulizija saret taf bil-każ, il-komunikazzjoni bejn iż-żewġ persuni nbidlet u x-xerrej ma riedx iħallas għall-isplussiv peress li l-pulizija kienu qabduh.

Is-Supretendent George Cremona, li xehed ilbieraħ, spjega kif hu u kollega vvjaġġaw lejn Arizona biex jaraw il-kontenut tal-isplussiv. L-isplussiv tneħħa mill-pakkett u tħalla jintbagħat Malta, indirizzat lil isem falz. Raġel ġie arrestat imbagħad talli għadda l-informazzjoni lill-akkużat dwar il-pakkett, għalkemm ma kienx jaf x’fih.

L-akkużat għandu akkużi oħra għaddejjin kontrih f’inkjesta maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Joe Mifsud dwar operat illegali tal-bitcoin li kien ingħalaq mill-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji.

Il-Maġistrat iddeċidiet li l-assi tal-akkużat għandhom jiġu ffriżati. Il-każ ħa jkompli jinstema’ f’Mejju.