Kumpilazzjoni traffikar kokaina: Lemħu wieħed mill-akkużati jiġbor kaxxa mill-garaxxijiet fil-Marsa

Il-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra ż-żewġt irġiel li ġew arrestati f’rejd li sar Raħal Ġdid is-Sibt li għadda fuq suspett ta’ traffikar tad-droga bdiet f’żewġ kawżi separati nhar it-Tnejn.

Dean Martin, li għandu 40 sena u li jgħix il-Ħamrun, u Melvin Debono, raġel ta’ 29 sena li jgħix Raħal Ġdid, ġew arrestati wara li nżammu taħt osservazzjoni mill-Pulizija għal numru ta’ ġimgħat. Debono kien għadu kif ġie rilaxxat minn arrest preventiv fil-bidu tax-xahar: kien tressaq fuq inċident fejn allegatament spara xi tiri b’arma mhux liċenzjata waqt argument mat-tfajla tiegħu.

L-Ispettur Mark Anthony Mercieca xehed li ż-żewġt irġiel kienu ppjanaw li jagħmlu l-operazzjoni tagħhom nhar il-ġimgħa, imma spiċċaw biddlu l-pjanijiet tagħhom minħabba traffiku qawwi.

Nhar is-Sibt, uffiċjali tal-Pulizija kienu qed iżommu lil Martin taħt osservazzjoni, u bdew isegwuh hekk kif ħareġ minn daru u beda jsuq. Martin waqaf ġo kumpless ta’ garaxxijiet fil-Marsa, minn fejn jidher li ġabar kaxxa tal-kartun li poġġa fil-karozza.

Martin kompla lejn Raħal Ġdid, fejn joqgħod Debono, u stenna sakemm Debono jingħaqad miegħu. Il-pulizija b’hekk intervjenew u arrestaw liż-żewġt irġiel, u sabu madwar 2kg ta’ kokaina fil-kaxxa, kif ukoll €8,500 fi flus kontanti u ċwievet tal-karozza.

Fir-residenza ta’ Debono nstabu madwar €82,000 fi flus kontanti, boroż bil-kokaina u l-kannabis, kif ukoll deheb u ġojjellerija.

Il-pulizija wara għamlu tfittxijiet f’garaxx ta’ Debono f’Raħal Ġdid, fejn sabu żewġ vetturi b’valur ta’ madwar €250,000. Fil-garaxx tal-Marsa, li hu propjetà ta’ missier Martin, instabu madwar 3.5kg ta’ kokaina.

Iż-żewġt irġiel ġew akkużati bi traffikar tad-droga u ħasil tal-flus. Martin ġie ukoll akkużat bil-pussess aggravat ta’ kokaina u li rrenda ruħu reċidiv, filwaqt li Debono ġie akkużat b’assoċjazzjoni għal traffikar u li naqas milli jħares il-kundizzjonijiet li bihom kien ingħata l-ħelsien mill-arrest.

Kemm Debono kif ukoll Martin wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom.

L-Ispettur Mercieca qed imexxi l-prosekuzzjoni flimkien mal-Ispetturi Steven Micallef u Omar Caruana. L-avukati Franco Debono u Marion Camilleri qed jidhru għal Debono, filwaqt li l-avukati Joe Giglio u Roberta Bonello qed jidhru għal Martin.