Sparatura: “Meta ħriġt mill-karozza ma kelli xejn f’idi” – Stephen Smith

Dalgħodu bdiet il-kumpilazzjoni ta’ provi fil-konfront ta’ Paul Sheehan, l-eks xufier tal-Ministru Manuel Mallia, li fid-19 ta’ Novembru li għadda spara tiri fuq il-karozza ta’ Stephen Smith.
Fix-xhieda tiegħu quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja, Smith qal li meta ra lil raġel b’arma f’idejh beża’ li se jispara fuqu u ħarab minn fuq il-post.  Spjega li waqt li kien qed isuq, laqat il-mera u l-ġenb tal-karozza tal-Ministru li kienet ipparkjata.
Stqarr li waqaf biex jagħti d-dettalji dwar it-tiswija tal-karozza u kien dak il-ħin li sema’ l-għajjat u atti ta’ aggressjoni.  Qal li dak il-ħin kien taħt xokk u ma jiftakarx il-kliem li ngħad.
Semma kif reġa’ daħal fil-karozza u beda jsuq, u f’ħin minnhom sema’ żewġ tiri. Żied jgħid li ma rrelaizzax li t-tiri laqtu l-karozza tiegħu, iżda f’ħin minnhom il-karozza waqfet taħdem mingħajr ma jaf għalxiex.
Spjega kif meta ra l-pulizija fuq il-post ħa r-ruħ għax kien qed jibża li se jinqatel. Qal li madanakollu, il-pulizija marru fuqu, immanettjawh, u talbuh jimtedd wiċċu mal-art. Stephen Smith qal li dak il-lejl ittieħed fi tliet għases tal-pulizija differenti u li sarlu t-test tal-breathalyser quddiem il-Maġistrat.  Smith qal li meta ħareġ mill-karozza ma kellu xejn f’idejh.
Aktar kmieni xehdet quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja, is-Supretendent Alexandra Mamo, li qalet li kienet infurmata mill-Aġent Kummissarju Ray Zammit li xi ħadd daħal fil-karozza tal-Ministru Manuel Mallia. Spjegat li qalet lill-uffiċjali tal-pulizija fuq il-post li għandha ssir inkjesta maġisterjali u li m’għandu jiċċaqlaq xejn.
Żiedet tgħid li aktar tard ġiet infurmata li l-karozza ta’ Smith, kienet se tittieħed fuq ordni tal-Kummissarju, iżda wieġbet li l-karozza m’għandhiex tiċċaqqlaq sakemm issir l-inkjesta. Spjegat li meta waslet fuq is-sit, il-karozza kienet diġà qiegħda fuq il-low-loader. Qalet li wara li staqsiet lil Smith jekk iridx avukat, staqsa għal Emmanuel Mallia, u li ngħatatlu spjegazzjoni li Mallia ma setax jirrappreżentah għax kien ministru.
Paul Sheehan, li għandu 40 sena,  qed iwieġeb mhux ħati ta’ attentat ta’ qtil u li uża vjolenza fil-konfront tal-Iskoċċiż u li mar lil hemm mil-limiti tal-awtorità bħala uffiċjal tal-pulizija.