Tibda l-kontroversja dwar il-gabbani ħdejn it-Tritoni

Il-kontroversja tal-proġett tad-daħla tal-Belt Valletta ilha s-snin għaddejja, b’dawk favur il-proġett ta’ Renzo Piano u b’dawk kontra, iżda fl-aħħar jiem din il-kotroversja kompliet tiżviluppa f’argumenti ġodda kontra l-gabbani li tfaċċaw fi Pjazza Tritoni.
Fid-disinn li tnieda mill-Ministru Joe Mizzi, il-gabbani ma kinux jidhru.
Ftit kienu dawk il-Maltin li fuq il-mezzi soċjali ddefendew din l-għażla tal-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir biex flok il-gabbani l-antiki li twaqqgħu fil-bidu tas-sena l-oħra, jitpoġġew gabbani ġodda b’disinn li sar magħruf f’April li għadda.
Ewlenin fost dawn il-kummenti kien hemm dawk tal-Kunsillier tal-Partit Nazzjonalista Michael Briguglio, tal-Professur Arnold Cassola u anki tal-Artist Steve Bonello. 

F’posts differenti fuq Facebook, ilkoll kemm huma tellgħu ritratti tal-Pjazza Tritoni bil-gabbani fin-nofs u qablu li din ma kinitx għażla ġusta. Michael Briguglio jsejjaħ dan il-proġett bħala “kruha tagħna lkoll jew tagħhom biss ħdejn it-Tritoni” filwaqt li Arnold Cassola staqsa jekk dawn humiex xi “gabbana tal-ġbejniet”.
L-artist Steve Bonello kiteb u qal li f’Malta teżisti ħafna l-“bad taste”, isejħilha “mħabba li ma tispiċċa qatt”. B’ton sarkastiku huwa jgħid li “kienet biss kwistjoni ta' żmien qabel ma’ Pjazza Tritoni fil-Belt Valletta jkollha ‘tisbiħ’ “.
It-tliet persuni rċivew ħafna kummenti fosthom mingħand l-eks Segretarju Ġenerali tal-PN Rosette Thake fejn staqsiet “għaliex għandna nitqannew b'xi ħaġa medjokri għall-aħħar u niġġustifikawha bl-argument li almenu aħjar minn qabel.” Appellat biex il-Maltin jitgħallmu jippretendu l-aħjar u l-eċċellenza.
Tkellem ukoll is-Sindku tas-Swieqi, Noel Muscat u qal li issa n-nies joħorġu bl-imwejjed u s-siġġijiet. Għadd ta’ nies oħra kkummentaw u qalu li f’Malta hawn fobja għal spazji pubbliċi u dejjem irridu nimlew l-ispazji li jkollna b xi ħaġa, tkun xi tkun. Oħrajn qabblu dawn il-gabbani ma' kontejners filwaqt li staqsew jekk Pjazza Tritoni saritx Freeport.
Fl-2015 kienet inqalgħet kontroversja oħra dwar il-gabbani fil-Belt peress li kienet tfaċċat gabbana tat-take away fi Pjazza de Valette biswit il-monument tal-Gran Mastru Jean de la Valette.
Ritratti: DOI – Clifton Fenech, Facebook