Tibda l-konsultazzjoni pubblika dwar ir-riforma kostituzzjonali

DOI / Jeremy Wonnacott

Il-pubbliku inġenerali, l-għaqdiet kostitwiti, l-għaqdiet mhux governattivi u individwi oħra interessati jistgħu jipparteċipaw fil-proċess tal-konsultazzjoni pubblika dwar ir-riforma kostituzzjonali. Il-proċess tneda l-Ġimgħa u se jiġi fi tmiemu tliet xhur oħra.

Dan tħabbar mill-President George Vella waqt konferenza tal-aħbarijiet fejn stieden lil dawk kollha interessati biex jibgħatu l-ideat tagħhom dwar x’bidlet jixtiequ jaraw iseħħu fil-Kostituzzjoni fir-riforma li qed tiġi kkunsidrata.

Waqt l-istess konferenza tal-aħbarijiet ġie ppreżentat is-sit elettroniku ġdid fejn wieħed jista’ jikkontribwixxi l-ideat tiegħu. Is-sit fih tagħrif dwar il-kostituzzjoni u l-għan tal-proċess ta’ aġġornament meħtieġ għall-Kostituzzjoni.

Vella spjega li s-sit elettroniku huwa parti integrali mill-proċess konsultattiv li qed isir bħalissa dwar ir-riforma. Żied jgħid li huwa intiż sabiex in-nies iwasslu l-ideat tagħhom fuq it-tibdil.

Il-President spjega wkoll li s-suġġerimenti se jkunu qed jiġu analizzati minn grupp ta’ esperti fil-qasam, sabiex wara li tintemm il-konsultazzjoni pubblika jiġi mħejji rapport.

Jekk wieħed jixtieq jipparteċipa f’dan il-proċess jista’ jagħmel dan billi jmur fuq is-sit elettroniku www.riformakostituzzjonali.gov.mt jew billi jibgħat ittra fuq PO Box 40.