Filmat: “Noqgħod għad-deċiżjoni tal-Prim Ministru” – Konrad Mizzi

Id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Konrad Mizzi qal li jinsab lest li jaċċetta kull deċiżjoni li jista' jieħu l-Prim Ministru u lest li jikkampanja bis-sħiħ fl-elezzjoni ġenerali tal-2018.
Waqt il-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun, Mizzi qal li bħalissa jinsab f'kunflitt intern u ma jistax jinjora r-rabja tal-poplu.
Dr Mizzi spjega l-ħidma tiegħu matul dawn l-aħħar tliet snin fosthom fil-qasam tal-enerġija u s-saħħa. "Emmint li l-Prim Ministru u l-Gvern Laburista jirnexxu", tenna Mizzi.
Konrad Mizzi qal li jinsab irrabbjat li wara x-xogħol li għamel fil-Gvern, il-pajjiż qed jiddiskuti l-Panama Papers.
Tenna li wara li tela' fil-Gvern ried li jieħu ħsieb l-assi u l-familja tiegħu u għalhekk fetaħ kumpanija fil-Panama.
Qal li jinsab "seren ħafna" u sostna li "jekk Simon Busuttil jitlob għall-firda, aħna mmorru għall-għaqda".
Matul il-konferenza, għadd ta' kelliema saħqu li l-Gvern Laburista ilu biss 3 snin u fadallu sentejn oħra.
 "Taqtax qalbek, mintix waħdek, aħna warajk" – Id-delegati lil Konrad Mizzi
Id-delegati kellhom kliem ta' tifħir u ta' kuraġġ lil Konrad Mizzi. "Taqtax qalbek, mintix waħdek, aħna warajk" sostna delegat minnhom filwaqt li qal "aħna se nżommuk".
Fil-konferenza tkellem l-eks-Deputat Mexxej tal-PL Toni Abela fejn qal li waqqaf in-nomina tiegħu biex isir membru tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri.
Tkellmu wkoll il-Ministri Owen Bonnici u Leo Brincat fost għadd ta' deputati u delegati oħrajn.
Il-Ministru Owen Bonnici reġa' attakka l-iskema Ċedoli tal-Partit Nazzjonalista li biha qed jieħu self, iżda mhux se jippubblika l-ismijiet ta' min isellef.
Il-Ministru Leo Brincat semma l-provokazzjoni u ħeġġeġ lid-delegati biex jevitaw din il-provokazzjoni filwaqt li wera s-solidarjetà maż-żagħżugħ li lbieraħ kien insulentat minn partitarji Nazzjonalisti quddiem il-Qorti.
​Is-Segretarju Parlamentari Deborah Schembri qalet li tieħu pjaċir tisma' din il-pożittività tad-delegati laburisti. Qalet ukoll li l-Gvern Laburista mhux se jħalli lill-Partit Nazzjonalista jfixxklu milli jwettaq il-manifest elettorali.
Il-President tan-Nisa Laburisti Claudette Abela Baldacchino rringrazzjat lill-mara tal-PM Michelle Muscat tax-xogħol volontarju li qed tagħmel filwaqt li sellmet lin-nies kollha li jagħmlu xogħol volontarju.
Preżenti għall-konferenza kien hemm il-Prim Ministru Joseph Muscat u għadd ta' uffiċjali u partitarji tal-PL.
Reazzjoni PN
Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li Konrad Mizzi tefa’ l-ballun kompletament f’saqajn Joseph Muscat għax hu 100 fil-mija responsabbli għall-kriżi ta’ korruzzjoni li daħħal fiha lill-pajjiż.
Il-PN qal li l-pajjiż ma jistax jibqa’ f’din l-inċertezza li hi tort tal-Prim Ministru filwaqt li tenna li lanqas illejla ma kien kapaċi jkeċċi lil Konrad Mizzi u lill-aktar persuna li ilu qrib tagħha għal snin twal, Keith Schembri.