Tibda l-kampanja għall-KSU

Din il-ġimgħa tħabbret il-kampanja għall-elezzjonijiet tal-Kunsill Studenti Universitarji (KSU) hekk kif kemm l-Istudenti Demokristjani Malta (SDM) kif ukoll l-għaqda studenteska Pulse ħabbru l-kandidati tagħhom.
L-elezzjoni mistennija ssir aktar tard dan ix-xahar.
L-SDM ħabbru l-kandidati tagħhom illum fil-kwadranglu tal-Università. Nedew ukoll it-tema għal din is-sena li se tkun “Li Jixraq Lilek”.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet, il-President tal-SDM Neil Smart Costantino semma d-diversi suċċessi tal-Kunsill preżenti b’membri ġejjin mill-SDM.
Qal li l-SDM fil-KSU introduċiet diversi inizjattivi għall-istudenti kollha fosthom il-carpooling, li fi kliemu għall-bidu ma tantx kienet popolari iżda qed tgħin biex ikun hemm bidla fil-mezzi ta’ trasport li jużaw l-istudenti. Semma wkoll il-fond ta’ €60,000 għal opportunitajiet internazzjonali, fond għall-għaqdiet, fond għal sport u kultura u investiment fit-trasport u l-mobilità.
Intant, l-għaqda studenteska Pulse ħabbret il-kandidati tagħha lbieraħ wara sentejn li fihom ma kkontestatx dawn l-elezzjonijiet.
Il-Pulse nediet it-tema tal-kampanja tagħhom “Ilkoll Flimkien” fejn spjegat li se tkun qed tagħmel ħilitha biex tilħaq lill-istudenti kollha u b’hekk tasal għall-għan tagħha li tirrappreżenta lill-istudenti.