L-Istrina: Jinġabru aktar minn €6.5 miljun

Aġġornat 12:35 PM
Ritratt: L-Istrina

Read in English.

L-Istrina, il-maratona ta’ ġbir ta’ fondi annwali għall-Malta Community Chest Fund ġiet fi tmiemha f’nofsillejl, bl-għadd ta’ donazzjonijiet miġbura jitla’ għal €6,583,542.

Fost il-persuni li żaru din il-maratona kien hemm il-Professur Charmaine Gauci li kienet qiegħda tirrspondi t-telefonati.

F’kummenti li għamel waqt il-programm, l-Arċisqof Charles Scicluna irringrazzja lill-poplu Malti talli hu “konkret fl-għożża tiegħu,” u nnota kif il-ftit għajnuna ta’ ħafna kienet qed issarraf f’differenza kbira fil-ħajjiet tan-nies. Qal li l-flus li qed jingħataw kienu “investiment f’soċjetà aħjar,” kif ukoll “investment” biex il-qalb tagħna ssir qalb tajba.

Il-President George Vella u s-Sinjura Vella rringrazzjaw lill-poplu Malti tal-ġenerożità kbira tiegħu, partikularment fiċ-ċirkustanzi partikulari li għaddejjin minnhom. Il-President qal li l-għada tal-Milied jista’ jibda jissejjaħ ‘Jum is-Solidarjetà Nazzjonali’ jew ‘Jum l-Għaqda Nazzjonali” għax, matul ix-xandira tal-Istrina, kull sena l-Maltin u l-Għawdxin jinsew id-differenzi li jista’ jkun hemm bejniethom – politiċi u ta’ xorta oħra – u jagħrfu kemm kapaċi jkunu b’saħħithom meta jkunu magħqudin.

L-Istrina ilha ssir mis-sena 1995, u bħalma ġara fis-snin ta’ qabel, qiegħda tittella’ l-għada tal-Milied.

Is-sena l-oħra kienu nġabru aktar minn €6.2 miljun. Iċ-ċifra rekord kienet intlaħqet fl-2018, meta nġabru aktar minn €7 miljun.

Il-linji tad-donazzjonijiet se jibqgħu miftuħin u l-pubbliku huwa mistieden ikompli jagħmel id-donazzjonijiet tiegħu fuq dawn in-numri: 5190 2030 – €50; 5180 2012 – €25, 2122 6226 – wegħdiet ta’ donazzjonijiet ta’ €300 jew aktar; 5061 9201 (SMS) – €11.65; 7935 9565 – BOV Mobile Pay.

Il-pandemija tal-Covid-19 kellha mpatt fuq il-ġbir ta’ fondi għall-karità, u mhux biss minħabba l-impatt ekonomiku tagħha. Ħafna karitajiet raw id-donazzjonijiet jonqsu hekk kif kellhom iħassru ħafna mill-attivitajiet tagħhom.