Tibda l-ħidma tad-delegazzjoni tal-PE fl-Islovakkja dwar il-qtil ta’ ġurnalist

Id-Delegazzjoni ta’ Ewroparlamentari li kellha żżur l-Islovakkja wara l-qtil tal-ġurnalista Jan Kuciak, waslet ftit tas-sigħat ilu fil-pajjiż, u hi magħmula minn MEPs minn sitt fazzjonijiet politiċi fl-Ewropa.
Iż-żjara għandha tieħu jumejn, u lbieraħ tħabbar il-programm ta’ laqgħat.
Il-membri tad-delegazzjoni huma Ingeborg Grässle mill-Partit Popolari Ewropew u Claude Morales mis-Soċjalisti u d-Demokratiċi li qed imexxu d-delegazzjoni, Ryszard Czarnecki mill-Grupp tal-Konservattivi u r-Riformisti, Sophia in’t Veld mill-Alleanza tal-Livberali u d-Demokratiċi, Benedek Jávor mill-Grupp tal-Ħodor, u Marco Valli mill-Grupp tal-Ħelsien u d-Demokrazija Diretta.
L-MEPs diġà ltaqgħu mal-President Slovakk, Andrej Kiska, u rappreżentanti minn għaqdiet mhux governattivi li qed jiġġieldu kontra l-korruzzjoni.
Kiska qal li hu kuntent li l-Islovakkja sabet l-għajnuna minn dawk li ddeskriviehom bħala “ħutna”, sabiex dal-każ orribbli jiġi investigat.
Id-delegazzjoni se tiltaqa’ wkoll mal-Prim Ministru, il-Ministri għall-Intern, il-Ġustizzja, il-Finanzi u l-Agrikolutra, mal-ġurnalisti, u awtoritajiet oħra bħall-President tal-Pulizija, il-Prosekutur Ġenerali, il-Kap tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Kriminalità u l-Uffiċċju Suprem tal-Awditur.
Is-sitt Ewroparlamentari se jżuru wkoll fejn instab mejjet Kuciak, u l-għarusa tiegħu Martina Kusnirova.
Wara dal-jumejn, id-delegazzjoni tlesti rapport li tgħaddih lill-Konferenza Ewropea tal-Presidenti.