Tibda l-ħidma biex tinstab x’inhi l-ħsara fl-interconnector

Read in English.

Il-bastiment Polar King wasal 16-il mil nawtiku ‘l barra minn Sqallija fejn se jkun qed iwettaq xogħlijiet ta’ spezzjoni għad-dannu li ġie kkawżat lill-cable tal-interconector bejn Malta u Sqallija.

Fi stqarrija l-Enemalta plc spjegat li l-bastiment ġie kkommissjonat biex iwettaq survey fejn ġiet ikkaġunata l-ħsara. Dan wasal fid-destinazzjoni tiegħu fit-2.45am, fejn ix-xogħol fuq is-survey beda mill-ewwel. Dan mistenni jieħu madwar 36 siegħa u matulu se jintuża apparat ta’ tekonoloġija avvanzata biex tkun identifikata l-gravità tal-ħsara li sofra l-cable tal-interconnector bejn Malta u Sqallija.

Ġie spjegat li l-inġiniera ta’ Enemalta plc u ta’ Nexans jinsabu abbord dan il-bastiment biex jissorveljaw il-proċess li qed jitwettaq fl-istess waqt li jkunu f’pożizzjoni li janalizzaw il-filmati li qed jinġibdu f’qiegħ il-baħar u trasmessi abbord il-vapur.

L-istqarrija tkompli tgħid li dan il-proċess huwa wieħed kritiku hekk kif permezz tiegħu Enemalta plc se jkollha stampa ċara tal-ħsara li ġarrab l-interconnector bejn Malta u Sqallija, u hekk kif tkun stabbilita din il-ħsara, tkun tista’ tiddetermina x’hemm bżonn isir biex ikun jista’ jibda l-proċess ta’ tiswija fl-iqsar żmien possibbli.

Dan kollu ġie wara li fl-aħħar ġimgħat kien hawn serje ta’ każijiet fejn inqata’ d-dawl fil-gżejjer Maltin.