Tibda l-Ġimgħa Ewropea għall-Mobilità

    DOI/MTIP

    Read in English.

    Il-Ministru għat-Trasport Ian Borg fetaħ b’mod uffiċjali il-Ġimgħa Ewropea għall-Mobilità għal din is-sena, bit-tema ‘Safe Walking and Cycling – Walk with Us!’, ġimgħa li se ddum għaddejja mil-lum is-16 ta’ Settembru sal-Ħadd 22 ta’ Settembru.

    Għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm preżenti wkoll is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis flimkien ma’ bosta sindki u rappreżentanti ta’ kunsilli lokali u ta’ għaqda mużikali fl-Imqabba li ser jipparteċipaw b’miżuri favur il-mobilità sostenibbli.

    “Fuq nett fl-aġenda tagħna għandna bidla fil-kultura ta’ kif nistgħu niċċaqalqu minn post għall-ieħor, bidla li ilna ħafna naħdmu għaliha u li qed nirsistu kemm nifilħu għaliha, għax hija bidla li verament nemmnu fiha. Irridu nħarsu b’viżjoni wiesgħa lejn l-isfidi li għandna, u rridu soluzzjonijiet sostenibbli f’kull qasam, inkluż l-għażliet tal-mobilità. Din il-ġimgħa li għandna quddiemna hija dedikata biex inqajmu kuxjenza dwar l-importanza tal-mobilità sostenibbli, imma l-ħidma għal dan il-għan trid tibqa’ għaddejja minn Jannar sa Diċembru, u dan huwa l-mod kif qed naħdmu,” qal il-Ministru Borg.

    Il-Ministru Borg qal li din is-sena, it-tema tiffoka fuq iċ-ċikliżmu u fuq il-mixi, u qal li dan ġie rifless anke fil-proposti tal-proġetti kemm temporanji kif ukoll permanenti li daħlu għall-kompetizzjonijiet organizzati minn Transport Malta.

    National Car Free Day fit-22 ta’ Settembru

    Hu qal li fost l-inizjattivi għal matul din il-ġimgħa se nkunu qed naraw car free areas car free days, mixjiet, pedometer challenges, lezzjonijiet taċ-ċikliżmu u attivitajiet li jqajmu kuxjenza dwar l-għażliet tal-mobilità. Fl-istess waqt, se tkun organizzata n-National Car Free Day fit-22 ta’ Settembru, li għal din is-sena se tkun imtella’ f’parti minn St Joseph High Street fil-Ħamrun u fi Triq Hompesch fil-Fgura.

    Il-ministru fakkar ukoll fis-Social Biking Challenge li qed tittellgħa madwar l-istati membri tal-UE u li f’Malta qed tiġi koordinata minn Transport Malta.

    DOI/MTIP

    Waqt l-attività ta’ dalgħodu, il-Ministru Borg kellu l-pjaċir ukoll iħabbar ir-rebbieħa tal-kompetizzjoni għall-miżuri permanenti. Fl-ewwel post hemm il-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar, li permezz ta’ grant ta’ €50,000 se jkun qiegħed iwettaq proġett għal żona pedonali fl-inħawi tal-iskola primarja fil-ħinijiet tal-ftuħ u l-għeluq tal-iskola. Fit-tieni post hemm il-Kunsill ta’ Ħaż-Żebbuġ li bi €30,000 se jkun qed jinvesti f’pedal-assisted tricycle għall-ġbir tal-iskart f’Żoni ta’ Konservazzjoni Urbana. Bl-istess ammont ta’ €30,000, it-tielet rebbieħ li huwa l-Kunsill Lokali tal-Ħamrun se jkun qiegħed jimplimenta żona pedonali u playing area għat-tfal, flimkien ma’ riċerka favur aktar pedestrianisation.