Tibda l-aħħar fażi tal-Marsa-Ħamrun Bypass

Read in English.

F’dawn il-jiem Infrastructure Makta se tkun qiegħda tibda l-aħħar fażi tal-proġett wara li din it-triq twessgħet minn erba’ għal sitt korsiji. Dan il-proġett huwa mmirat li jtejjeb il-konnessjonijiet li jwasslu għall- arterja prinċipali. Din il-bypass qiegħda ssir ma’ diversi lokalitajiet fosthom Birkirkara, Santa Venera, Ħal Qormi, il-Ħamrun u l-Marsa.

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg matul iż-żjara tiegħu fis-sit qal li dan il-proġett se jiswa aktar minn €7 miljun. L-ewwel fażi swiet madwar €2.25 miljun. Il-Ministru kompla li sa ftit ilu l-Marsa-Ħamrun Bypass kien ċentru ta’ konġestjoni kull ġurnata u issa jidher li hemm aktar effiċjenza u b’aktar sigurtà u se tkompli ssir ħidma biex ir-rotta prinċipali mit-Tramuntana għaċ-ċentru għan-Nofsinhar tkompli titjieb. Żied li se jkun qiegħed isir l-ewwel ġnien vertikali f’arterja prinċipali mal-ħajt tal-ġenb lejn in-Nofsinhar.

F’din il-fażi, Infrastructure Malta qed tibni u ssaħħaħ partijiet mill-istrutturi antiki tal-flyover u partijiet mill-ħitan tal-mini ta’ Santa Venera. Il-Ministru Borg żied li dawn l-istrutturi ilhom mibnija għal bosta snin u kellhom bżonn tiswijiet estensivi sabiex jiġu evitati riskji potenzjali għall-pubbliku. Huwa temm jgħid li dawn ix-xogħlijiet kollha għandhom ikunu konklużi sal-aħħar ta’ din is-sena.