Tibda konsultazzjoni pubblika għal bidliet fil-liġi għall-għaqdiet volontarji

Beda proċess ta’ konsultazzjoni marbut mal-bidliet li se jsiru fil-liġi li tirregola l-organizzazzjonijiet volontarji, li ddaħħlet fil-pajjiż għall-ewwel darba fl-2007.
Fi kliem il-Ministru responsabbli, Helena Dalli, u l-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji, Kenneth Wain, il-bidliet proposti huma ntiżi li jsaħħu u jaġġornaw il-liġi għaż-żmenijiet tal-lum, se jsir mandatorju li l-għaqdiet ikunu reġistrati mal-Uffiċċju tal-Kummissarju, u nofs il-membri tal-Kunsill tal-Għaqdiet Volontarji jinħatru mis-settur innifsu.
Bidliet oħra jwasslu għal definizzjoni aħjar ta’ xi tfisser “mhux għal profitt”, se jidħlu regoli ġodda dwar iskrizzjoni u notifiki mandatorji, dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu, regoli iktar ċari dwar l-użu ta’ għaqdiet għal skopijiet kummerċjali u iktar setgħa lill-Kummissarju fil-konfront tal-għaqdiet li jiksru l-liġi.
Il-konsultazzjoni pubblika tibqa’ għaddejja sas-6 ta’ Lulju. Id-dokument jista' jitniżżel minn www.msdc.gov.mt/VOA jew minn www.konsultazzjoni.gov.mt.
Ritratt: DOI – Clifton Fenech