Tibda konsultazzjoni fl-istandards tad-djar għall-vittmi ta’ vjolenza domestika

Minister for the Family, Children's Rights and Social Solidarity Michael Falzon, Minister for Justice, Equality and Governance Edward Zammit Lewis, and Parliamentary Secretary for Equality and Reforms Rosianne Cutajar launch the public consultation on Domestic Violence residential standards

Il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon ħabbar sett ta’ standards biex jiġu applikati fi djar residenzjali li jilqgħu fihom nisa vittmi ta’ vjolenza domestika. Il-Ministru spjega li dawn l-istandards se jkunu aċċessibbli għall-konsultazzjoni pubblika u kulħadd huwa mħeġġeġ biex jagħti s-suġġerimenti tiegħu.

Il-Ministru Falzon qal li dawn l-istandards se jkunu mqassma fuq żewġ kategoriji; dawk residenzjali u l-oħrajn fil-komunità. Żied li dawn il-linji gwida se jkunu qed jagħtu direzzjoni ta’ x’inhuma l-ogħla standards li d-djar residenzjali jridu jilħqu sabiex ikunu jistgħu jilqgħu persuni li għaddejjin minn vjolenza domestika.

L-għan ta’ dawn l-istandards huwa li jkun hemm provvista tas-servizzi mogħtija fix-shelters, kif issir l-għażla tal-impjegati u kif dawn is-servizzi huma speċifikament immirati biex jaqdu l-bżonnijiet ta’ dawn il-persuni. Il-Ministru żied li se jkun qed jingħata aftercare plan sabiex tkun assigurata kontinwità u stabbiltà għal dawn il-persuni vulnerabbli.

Il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza, u l-Governanza Edward Zammit Lewis filwaqt li faħħar din l-inizjattiva, żied li l-vjolenza domestika hija pjaga soċjali li għandha tiġi miġġielda minn kull aspett.

Min-naħa tagħha s-Segretarju Parlamenti għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rosianne Cutajartenniet li bħalma min ikun vjolenti għandu bżonn l-għajnuna professjonali, daqstant ieħor il-vittmi tal-vjolenza domestika għandhom jingħataw refuġju u għajnuna professjonali biex ma jkunux esposti għal xi forma ta’ aggressjoni oħra. Kompliet tgħid li l-vjolenza domestika tista’ tolqot lill-persuna ta’ kull faxxa tas-soċjetà. Fakkret li mill-2010 s’issa nqatlu 16-il mara minħabba l-vjolenza domestika. 

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità ta’ Standards Soċjali Matthew Vella spejga li  fil-qalb tal-Istandards Soċjali Regolatorji għal Vjolenza Domestika wieħed isib l-aħjar interess tal-individwi li esperjenzaw vjolenza domestika filwaqt li fil-moħħ hemm il-prinċipji ta’ sigurtà, governanza u simplifikazzjoni tal-proċessi li jwasslu għal servizzi tal-ogħla kwalità.

Id-dokument dwar dawn l-istandards jista’ jitniżżel minn fuq www.scsa.gov.mt jew www.meae.gov.mt. Ir-rispons tal-pubbliku jista’ jintbagħat  b’ittra elettronika fuq regulations.scsa@gov.mt, jew bil-posta fl-indirizz: Regulation and Standards Office, Social Care Standards Authority, 469, Bugeia Institute, St Joseph High Road, Santa Venera, SVR 1012. Il-pubbliku jista’ wkoll iċempel fuq in-numru 2549 4446għal kull assistenza dwar kif jintbagħtu r-reazzjonijiet.