Tibda grupp biex tgħin nisa oħrajn ma jħossuhomx waħedhom

Helen Mizzi, tfajla ta’ 26 sena, iddeċidiet li tibda grupp fuq Facebook biex tibni komunità ta’ tfajliet li qed iħossuhom waħedhom u jixtiequ jibnu ħbiberiji ġodda f’perjodu fejn forsi huwa daqsxejn aktar diffiċli li jsir dan.

Hi u titkellem ma’ Newsbook.com.mt, Mizzi spjegat li l-idea bdiet wara li nnutat xi posts minn persuni tamparha li ttellgħu b’mod anonimu fuq gruppi oħrajn popolari fuq Facebook. Huma esprimew kemm qed isibuha diffiċli li jibnu ħbiberiji ġodda f’dan il-perjodu tal-coronavirus. Spjegat li darba ddeċidiet li tikkummenta fuq post minnhom u appellat biex din il-persuna anonima tibgħatilha messaġġ fuq Facebook ħalli jkollha lil xi ħadd ma’ min titkellem. Qalet kif fi ftit minuti, sabet messaġġ fl-inbox tagħha.

“Dan il-każ wassalni biex naħseb kif apparti din it-tfajla li bagħtitli messaġġ, hemm tfajliet oħrajn li jistgħu jħossuhom fl-istess ilma, speċjalment minħabba l-coronavirus. B’hekk iddeċidejt li nibda l-grupp ta’ Facebook Women’s Social Hub (Malta) bl-idea li nikkrea post sigur fejn persuni jistgħu jitkellmu flimkien, jissoċjalizzaw u jibnu l-ħbiberiji u n-networks tagħhom,” spjegat Mizzi.

Mizzi tħobb issiefer, taqra u tiltaqa’ man-nies. Hi favur li tara lin-nisa jissapportjaw, jinkoraġġixxu u jagħtu s-setgħa lil xulxin u b’hekk riedet tara kif issib mezz biex tinkoraġġixxi li dan isir b’mod effettiv.

Irrimarkat kif oriġinarjament, il-paġna kienet immirata lejn nisa tamparha, iżda mbagħad irrealizzat li kien hemm nisa ta’ etajiet varji li xtaqu jkunu parteċipi u b’hekk issa, il-paġna tinsab miftuħa għal nisa ta’ kull età.

Il-grupp fuq Facebook inħoloq fit-28 ta’ Mejju. Mizzi spjegat li kienet impressjonata pożittivament bin-numru ta’ messaġġi li rċeviet minn nisa li xtaqu jkunu parti mill-grupp fi żmien 24 siegħa. Qalet li dan wassalha biex tirrealizza kemm verament kien hemm bżonn ta’ grupp tat-tip.

S’issa il-grupp qed jospita mal-400 membru. Qalet li huwa importanti li dawk li jingħaqdu fil-grupp għandhom jagħmlu dan għax verament jixtiequ jkunu parti minn komunita inklussiva.

Dwar f’liema punt tal-proġett tħoss li tkun laħqet il-mira tagħha, Mizzi qalet ma’ Newsbook.com.mt li jekk jirnexxielha tgħin persuna waħda tħossha ftit inqas waħedha, mela l-għan tagħha jkun intlaħaq. Qalet iżda li tittama li dan il-hub jieħu l-ħajja u joħroġ l-aqwa fin-nisa li qed jgħixu f’Malta. Qalet li tittama li tarahom jaqsmu l-istejjer u l-esperjenzi tagħhom u juru sapport lil xulxin.

Mizzi spjegat li kull min jixtieq jissieħeb mal-grupp, jista’ jagħmel dan. Spjegat li l-grupp jippermetti li kull min hemm fih jibda diskussjonijiet, jikkontribwixxi fil-kontenut u jaqsam l-ideat tiegħu mingħajr ma jkun iġġudikat għal dan.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn