Tibda ġimgħa ta’ talb għall-għaqda fost l-Insara

Mil-lum bdiet ġimgħa ta’ talb għall-għaqda fost l-Insara.

Fi stqarrija, l-Arċidjoċesi ta’ Malta qalet li l-Insara kollha madwar id-dinja qed jiċċelebraw il-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda fost l-Insara, li tintemm nhar is-Sibt, 25 ta’ Jannar 2020.

Matul din il-ġimgħa l-Knejjes Insara differenti jingħaqdu għal talb ekumeniku, bit-tema għal din is-sena tkun “Ġiebu ruħhom magħna bi ħlewwa liema bħalha” (Atti 28:2), meħuda mir-rakkont tan-Nawfraġju ta’ San Pawl f’Malta u l-laqgħa li tawh il-Maltin.

Din is-sena t-talb u r-riflessjonijiet li se jintużaw madwar id-dinja kollha tħejjew mill-Insara ta’ Malta u Għawdex.

Matul din il-ġimgha se jsir Servizz Ekumeniku nhar il-Ġimgħa 24 ta’ Jannar, fis-6:30pm, fil-Pro-Katidral (tal-Anglikani) ta’ San Pawl, il-Belt Valletta. Se jmexxi t-talb l-Isqof Anglikan ta’ Ġibiltà, Robert Innes, waqt li r-riflessjoni bibblika se ssir mill-Arċisqof Charles J. Scicluna. Kulħadd huwa mistieden.

Qed tiġi organizzata wkoll wirja ekumenika bl-isem ‘Bibles and Liturgical Books from Christian Churches in Malta: An Ecumenical Confluence’, organizzata mill-Arċidjoċesi ta’ Malta, il-Kummissjoni Ekumenika Djoċesana, Christians Together in Malta u l-Curatorial Studio. Il-wirja tinkludi testi divini mill-Knisja Kattolika Rumana, il-Knisja Anglikana, il-Knisja Ortodossa Bulgara, il-Knisja tal-Iskozja, il-Knisja Ortodossa Koptika, il-Knisja Kattolika Griega, il-Patrijarkat Ekumeniku ta’ Kostantinopli, il-Knisja Luterana, il-Knisja Ortodossa Rumena, il-Knisja Ortodossa Russa u l-Knisja Ortodossa Serba.

L-esebiti jinkludu bibbji, salterji, brevjarji u kotba reliġjużi oħra mis-seklu 13 sas-seklu 20. Il-wirja hi opportunità biex wieħed jara l-mod li bih tħaddan il-Kristjaneżmu matul iż-żmien. Il-wirja tixhed l-għaqda fid-diversità fost il-Knejjes Kristjani.

Il-wirja se ssir fil-Palazz tal-Arċisqof, il-Belt Valletta, il-Ġimgħa 24 ta’ Jannar mill-10.00am sas-6.00pm, u s-Sibt u l-Ħadd, 25 u 26 ta’ Jannar, mill-10.00am sal-4.00pm. Kulħadd huwa mistieden u d-dħul huwa b’xejn.

Fi vlogg, l-Arċisqof Charles Scicluna għamel stedina lin-nies biex jagħmlu eżami tal-kuxjenza u jaraw jekk għadhomx juru ħlewwa liema bħalha.