Tibbukkja onlajn? Jista’ jkun qed iqarrqu bik

Il-Kummissjoni Ewropea (KE) u l-awtoritajiet tal-Unjoni Ewropea (UE) għall-protezzjoni tal-konsumatur żvelaw li żewġ terzi tas-siti onlajn fejn tqabbel u tibbukkja t-titjira u l-akkomodazzjoni ma jkunux ta’ min joqgħod fuqhom.
352 sit ta’ dan it-tip ġew studjati, u nstab li 235 minnhom l-ewwel juruk prezz, imbagħad tispiċċa tħallas aktar mingħajr ma tiġi avżat minn qabel dwar spejjeż żejda.
Oħrajn instabilhom li jżommulek għal riklami promozzjonali li fil-verità ma jkunu jaqblu ma’ xejn relatati mal-vjaġġ jew lukanda li tkun ibbukkjajt.
L-awtoritajiet talbu lil dawn is-siti biex jikkonformaw il-prattiċi tagħhom mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-konsumatur. Din titlobhom ikunu kompletament trasparenti dwar il-prezzijiet, u li jippreżentaw l-offerti tagħhom b'mod ċar minn stadju bikri fil-proċess ta' riżervazzjoni.
Dawn huma xi statistiċi ta’ dawn l-irregolaritajiet:

  • fi 32.1% tal-każijiet, il-prezz fil-paġna tal-lista tat-tqabbil ma kienx l-istess bħall-prezz muri finalment fil-paġna tar-riżervazzjoni
  • fi 30.1% tas-siti, il-prezz totali (inklużi t-taxxi) jew il-mod kif ġie kkalkulat ma kienx ċar
  • 20.7% tas-siti ppreżentaw prezzijiet speċjali, li mbagħad ma kinux disponibbli kif irreklamat fil-paġna tar-riżervazzjoni
  • 25.9% tas-siti taw l-impressjoni li ċerti offerti kienu skarsi (eż. "fadal 2 biss", "disponibbli llum biss") mingħajr ma speċifikaw li dik l-iskarsezza kienet tapplika strettament għas-sit tagħhom.