Il-Kummissarju għall-Edukazzjoni fl-Uffiċċju tal-Ombudsman avża lill-ġenituri biex ma jibagħtux lil uliedhom għal-lezzjonijiet tal-privat.
Il-Kummissarju Charles Caruana Carabez ħareġ stqarrija li fiha qal li hu infurmat li minkejja li l-iskejjel ingħalqu, għad hemm xi għalliema li qegħdin jagħtu l-lezzjonijiet tal-privat.
Huwa wissa li lezzjonijiet bħal dawn għandhom jieqfu immedjatament, peress li huma ta’ periklu għas-saħħa tal-għalliema u l-istudenti fis-sitwazzjoni kurrenti tal-pandemija tal-coronavirus.
Temm jgħid li “dan mhux ħin għal-lezzjonijiet tal-privat.”
Tard ilbieraħ filgħaxija tħabbar li l-iskejjel se jibqgħu magħluqin b’mod indefinit. S’issa f’Malta hawn 38 każ, bl-iżgħar pazjent tifel ta’ tliet snin.
Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn.