Tħobb lill-pet? Ara x’għandek tagħmel meta traqqdu

Tfajla fuq Twitter irrakkuntat kif veterinarju qalilha li l-iktar parti kiefra tax-xogħol tiegħu hija meta s-sidien tal-annimali li jkollhom bżonn jitraqqdu għal xi raġuni jew oħra, joħorġu mill-kamra u jħallu lill-pet tagħhom jitħabat għax ma jkunx jista’ jsib lil sidu propju fl-aħħar ftit minuti ta’ ħajtu.

It-tweet li ttellgħet propju fis-26 ta’ Lulju rċeviet 42,000 retweet, 141,000 like u mijiet kontra mijiet ta’ kummenti. Bosta rrakkuntaw kemm kienet diffiċli għalihom li jagħmlu l-għażla li jibqgħu mal-pet tagħhom waqt li l-veterinarju jraqqdu, oħrajn sostnew li kienu kuntenti li sa fl-aħħar il-pet tagħhom seta’ jistrieħ, speċjalment meta dan traqqad minħabba mard kiefer.

https://twitter.com/jessi_dietrich/status/1022675467793522688?ref_src=twsrc%5Etfw%7Ctwcamp%5Etweetembed%7Ctwterm%5E1022675467793522688%7Ctwcon%5Elogo&ref_url=https%3A%2F%2Fpeople.com%2Fpets%2Fwhat-pets-do-before-being-euthanized%2F

Il-messaġġ tat-tfajla wassal sabiex bosta veterinarji madwar id-dinja jiktbu messaġġi simili. Infatti fi New Zealand kien hemm sptar tal-annimali li tella’ messaġġ fuq il-paġna ta’ Facebook jinsisti li meta annimal jitħalla waħdu fl-aħħar mumenti tiegħu jispiċċa jfittex bla tama lil sidu. Spjegaw li l-annimali ma jifhmux għaliex sidhom telaqhom waħedhom fil-mument meta huma kienu morda u qed jibżgħu. Għalhekk l-aħjar għażla tibqa’ dejjem dik li s-sid jibqa’ hemm sakemm isir il-proċess kollu.

B’mod simili għat-tweet, dan il-messaġġ ta’ Facebook irċieva 89,000 share u 14,000 like. Madanakollu minħabba li intużaw xi ftit kliem eħrex jidher li kien hemm ħafna li kkritikaw il-mod ta’ kif ġie indirizzat is-suġġett fil-kummenti.