Tħobb il-kafè? Jiftaħ Nespresso f’Malta

Il-kumpanija DCAFFE Ltd għandha aħbar tajba għal dawk li jħobbu l-kafè, għax għadha kemm fetħet ċentru ta’ customer care ta’ Nespresso fl-Imrieħel sabiex ikun ta’ sapport għas-sit li minnu n-nies jistgħu jordnaw il-kafè online.

Iċ-ċentru ta’ customer care tal-Imrieħel għandu jipprovdi sapport għall-ordnijiet li jsiru online fuq is-sit ta’ Nespresso f’Malta, li tnieda f’Diċembru li għadda. It-tim li jaħdem miċ-ċentru fi Triq Notabile fl-Imrieħel se jkun jista’ jimmaniġġja l-ordnijiet li jidħlu permezz tat-telefown u anke permezz ta’ Whatsapp. Hemmhekk, il-pubbliku se jkun jista’ anke jixtri magni tal-kafè.

Il-ħaddiema tal-istabbiliment se jdawru lill-klijenti li jżuru l-ħanut biex jaraw il-25 togħma ta’ kafè li hemm disponibbli, u anke l-ħafna magni tal-kafè, sabiex dawn ikunu jistgħu jsibu l-aħjar għażla għalihom.

Barra minn dan iċ-ċentru, f’Lulju li ġej, għandu jiftaħ ħanut f’Tas-Sliema bl-istess prodotti.

Philip Galea, ir-rappreżentant tal-iżvilupp tan-negozju tal-kumpanija, qal li Nespresso jiġi ppakkjat b’materjali riċiklabbli, u dan l-isforz fil-protezzjoni tal-ambjent hu mistenni li jkompli anke f’Malta.

Il-klijenti se jkunu jistgħu jħallu l-kapsuli tal-kafè użati fil-ħanut, jew inkella dawn jistgħu jinġabru mill-ħaddiema ta’ Nespresso mid-djar tal-klijenti meta dawn joħdulhom l-ordni tagħhom. Galea spjega kif il-kapsuli mbagħad jintbagħtu fl-impjanti ta’ riċiklaġġ ta’ Nespresso li hemm f’pajjiżi oħra, fejn jiġu rriċiklati u jerġgħu jintużaw biex jipproduċu materjali oħra.