Third World Group jista’ jilqa’ aktar tfal

L-għaqda volontarja Third World Group se tkun tista’ tilqa’ aktar tfal, hekk kif xogħol li sar fis-sit se jwassal biex l-ispazju jintuża b’mod aħjar.
Dan tħabbar mill-Ministru għad-Djalogu Soċjali Helena Dalli meta żaret il-faċilitajiet tal-għaqda, li twettaq ħidma ma’ tfal u żgħażagħ mill-Belt Valletta, speċjalment ma’ dawk li kellhom trobbija diffiċli.
Il-Ministru qalet li l-faċilitajiet fis-sit saru permezz tal-iskema Voluntary Organisations Project Scheme (VOPs). Fost l-oħrajn saret kċina ġdida u faċilitajiet sanitarji ġodda. Sar ukoll titjib fis-sistema tal-informatika tal-għaqda u nxtraw kompjuters ġodda.
L-għaqda torganizza attivitajiet u proġetti edukattivi, kulturali u sportivi li jgħinu lil dawn it-tfal u żgħażagħ fl-iżvilupp soċjali tagħhom, kif ukoll biex ma jispiċċawx fil-faqar.
Il-President tat-Third World Group Cheryl Haber qalet li se tkun disposta li toffri l-post għal għaqdiet oħra li jkollhom bżonn fejn jiltaqgħu.
Ritratt: DOI – Clifton Fenech