“Think tank bla struttura u bla ħsieb” – Delia

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-Gvern mhux ippreparat biex jindirizza l-isfidi fl-edukazzjon u ħoloq ​think tank bla struttura u bla ħsieb.

Huwa qal dan fil-Konferenza Nazzjonali li l-PN organizza dwar l-edukazzjoni. Sostna li fi żmien meta s-sistema edukattiva ta’ pajjiżna jeħtieġ li tevolvi u tħares ‘il quddiem meta hawn l-inċertezza minħabba l-pandemija jridu jiġu ndirizzati d-diffikultajiet tal-għalliema, l-istudenti u l-ġenituri.

Huwa sostna li jridu jiġu pprovduti l-għodod neċessarji biex l-edukazzjoni tevolvi fir-realtajiet tal-lum. Fisser dan billi qal li rridu nieħdu l-opportunità li naraw u nirrevedu jekk għandniex nibdlu l-metodi tat-tagħlim fuq qafas tal-ħiliet u naddattaw għall-futur, fejn naraw li t-tagħlim li qed jingħata llum ikun dak li l-istudenti jeħtieġu meta imbagħad jidħlu fid-dinja moderna tax-xogħol.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Clyde Puli qal li f’dan iż-żmien tal-pandemija hemm ħafna mistoqsijiet li jridu jiġu mwieġbu malajr fosthom x’ħareġ pożittiv, x’kienu n-nuqqasijiet strateġiċi u l-konsegwenzi ta’ dawn in-nuqqasijiet u xi preparamenti meħtieġ li jsiru sabiex jiġu indirizzati l-effetti tal-pandemija fuq l-edukazzjoni, dan għaliex m’hemmx ħin x’jintilef meta tibda sena skolastika oħra f’Settembru li ġej.

Il-Konferenza Nazzjonali kienet indirizzata wkoll minn Fr Charles Mallia Direttur tal-iskejjel tal-Knisja fi ħdan is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija, mill-Prof. Carmel Borg lettur u eks Dekan tal-Fakultà tal-Edukazzjoni tal-Università ta’ Malta, mill-Prof. Sandro Caruana lettur u eks Dekan tal-Fakultà tal-Edukazzjoni, Sue Midolo President tal-Independent Schools Association u Kap ta’ skola, Dr Kenneth Vella Kap ta’ skola u awtur ta’ diversi artikli dwar l-edukazzjoni, Dr Glorianne Borg Axisa lettur fil-Junior College fi ħdan l-Università ta’ Malta u membru fundatrici tal-MAPSS u minn Marco Bonnici President tal-Malta Union of Teachers (MUT) u għalliem. ​Fost it-temi diskussi kien hemm il-ħtieġa ta’ pjan fit-tul mal-istakeholders kollha, inkluż l-għalliema u l-ġenituri li ġew esklużi mit-​think tank li twaqqaf.

Preżenti għal din il-Konferenza Nazzjonali flimkien mal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Clyde Puli kien hemm ukoll il-Viċi Kap tal-PN u Kelliem għall-Familja David Agius, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għaż-Żgħażagħ Robert Cutajar, Martin Musumeci mill-Forum Professjonisti Partit Nazzjonalista (FPPN) u l-kunsillier lokali Justin Schembri.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn