Thiem rebaħ kontra Nadal biex kiseb post fis-semi-finali

In-numru wieħed tat-tennis Spanjol, Rafael Nadal kien miċħud minn post fis-semi-finali tal-Australian Open wara li l-Awstrijakk Dominic Thiem kellu logħba tajba ferm kontrih. Thiem ħareġ b’saħħtu u wera x’kapaċità għandu.

Thiem rebaħ 7-6 (7-3) 7-6 (7-4) 4-6 7-6 (8-6) ġewwa Melbourne Park. Hu tilef żewġ match points qabel ma ħa t-tielet wieħed u rnexxielu jirbaħ f’erba’ sigħat u 10 minuti. Thiem li għandu 26 sena se jkun qed jilgħab kontra l-Ġermaniż Alexander Zverev nhar il-Ġimgħa. Din se tkun l-ewwel semi-finali tagħhom f’Melbourne.

Thiem deher jgħolli idu fl-arja meta Nadal laqat ħażin il-ballun u ma qabbżux ix-xibka. It-telfa għal Nadal tfisser li se jkollu jistenna biex jilħaq ir-rekord ta’ Federer ta’ 20 Grand Slam.