Aġġornata (2): ‘Thewdin ta’ min ma fadallux argumenti’ – Dr Joseph Muscat

Il-Mexxej Laburista Dr Joseph Muscat qal li minflok iwieġeb il-mistoqsijiet biex jiċċara l-affarijiet, il-Ministru Austin Gatt spiċċa jhewden u jattakka lill-media indipendenti li qed tesponi dak li sejjaħ l-akbar skandlu li qatt kellu l-pajjiż. Fi kliemu, dan hu thewdin ta’ min ma fadallux argumenti. Waqt li kien qed jindirizza attività politika fix-Xagħra Għawdex, Dr Muscat qal li l-uniku punt ta’ difiża li fadallu l-Ministru Austin Gatt huwa li jhewden li jeżisti komplott bejn il-media indipendenti u l-Partit Laburista.

Qal li minflok, ikun aħjar li l-Ministru Gatt jara kif se jwieġeb il-mistoqsijiet. Huwa kompla jirreferi għal dak li qal Austin Gatt li l-Mexxej Laburista wkoll iltaqa’ ma’ kumpaniji taż-żejt. Saħaq iżda li meta jiltaqa’ ma’ dawn il-kumpaniji, huwa jinfurmahom bil-politika ta’ Partit Laburista li jekk jirbaħ il-Gvern, se jagħżel li jmur għall-gass biex jiġġenera l-enerġija. Il-Mexxej Laburista saħaq li b’dak li kulħadd qed jara u jisma f’din l-istorja li sejħilha skandaluża, Partit Laburista fil-Gvern ikollu sodisfazzjon kbir li jwaqqaf il-konsum taż-żejt minn Malta, biex imur għal teknoloġija iktar nadifa, u fi kliemu, ħadd aktar ma jieħu kummissjonijiet minn fuq ix-xiri taż-żejt.

Intant, id-deputat Laburista Evarist Bartolo qal li l-Ministru Austin Gatt jinsab iddisprat u qed jipprova jiddevja l-attenzjoni minn fuqu għal fuq ħaddieħor u qed jaħbi dak li sejjaħlu l-ikbar skandlu li qatt rat Malta. F’konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-avukati David Farrugia Sacco u Manwel Mallia, Bartolo żied li hemm diversi mistoqsijiet li jeħtieġ iwieġeb l-Ministru Gatt bħal jekk fl-investigazzjoni li għaddejja bħalissa fil-każ tax-xiri taż-żejt mill-Enemalta, hemmx xi ħadd li qed jgħid li l-firma fuq id-dokumenti mhix tiegħu. Dan minbarra mistoqsijiet li qal li jrid iwieġeb għalihom il-Prim Ministru Lawrence Gonzi bħal meta u x’għamel wara li kien infurmat.

L-avukat Manwel Mallia qal li l-ewwel darba li ra l-emails kien fuq il-Maltatoday. Qal li dak li qal Austin Gatt fil-konfront tiegħu juri li mhux serju. Irreaġixxa u qal li qatt ma ra kompjuter ta’ George Farrugia u lanqas kien parti mit-tijm ta’ investigaturi tal-aħwa Farrugia.

L-avukat David Farrugia Sacco qal li frame-up hi xi ħaġa żleali u hu ma jagħmilx dan. Qal li l-Ministru Gatt qed jakkuża lilu u lil sħabu fuq xi ħaġa li m’għandhomx x’jaqsmu magħha. Iddikjara li l-ewwel darba li ra l-emails kien meta ħarġu fil-media. Ħabbar li hu u sħabu se jieħdu passi legali permezz ta’ kwerela kriminali kontra l-Ministru Gatt.

F’reazzjoni għall-konferenza tal-aħbarijiet li indirizza l-Ministru Gatt, l-esponenti tal-Partit Laburista ċaħdu l-involviment tagħhom u qalu li filwaqt li George Farrugia ngħata maħfra presidenzjali, il-Ministru Austin Gatt ngħata maħfra prim-ministerjali.

Ħalli l-kummenti tiegħek hawn taħt.